Sunday, January 31, 2010

Dehen minn min jaħkimha

Mill-gallarija hawnhekk ftit kien jidher li qed jiġru affarijiet f'dik l-art ħelwa, l-omm li tatna isimha, ħlief li student żagħżugħ li kien editur ta' fuljett fl-università qed jissogra jeħel il-ħabs talli ppubblika storja...

Imbagħad, f'daqqa waħda, bdew ifaqqgħu stejjer u diskorsi mimlijin dehen minn min dik l-art ħelwa qed jaħkimha. Jaħkimha? Jew imexxiha? Skond dak l-innu monotonu, tad-dwejjaq u ikrah li jdoqqu fuq it-television lejliet il-Milied u lejliet l-ewwel tas-sena, u meta jilgħab it-tim nazzjonali tal-football f'Ta' Qali, hemm xi ħadd li qed jaħkimha. Min? Ħeqq, nimmaġina l-President u l-gvern tiegħu, le? Avolja, l-ikbar dehen dal-aħħar qed nisimgħuh mingħand min għadu għalissa jixtieq imexxiha. Jew jaħkimha. Ngħiduha, jekk mhux b'wieħed ikollna nitqannew bl-ieħor. Ħakma tiġi. Kien jaf x'qed iħarbex Dun Karm.

Mela ħa nibdew mill-kbir nett. Il-ħakkiem, skond l-innu Malti. L-Eċċellenza Tiegħu l-President ta' Malta, li għandu jkun beda jitfixkel x'kariga tawh u mingħalih sar l-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof ta' Malta. Għax l-E.T. l-President ftit jiem ilu ddikjara bla tlaqliq x'jidhirlu li hi d-definizzjoni ta' familja. Raġel u mara li jgħixu flimkien bl-intenzjoni li jagħmlu t-tfal. Dik, ċumm bumm. L-oħrajn mhux familji. Ġenituri waħedhom li jitbażwru biex irabbu tifel, tifla jew tfal, dawk mhux familji. Aħwa jgħixu flimkien wara li mitulhom il-ġenituri, dawk mhux familja. Koppja li jadottaw tfal, dawk mhux familja. Koppja mhux miżżewġa li għandhom tfal u jgħixu fl-istess dar, dawk mhux familja. Bir-rispett kollu: żgarrajna hawn, Eċċellenza.

Smajna biha l-aħħar fuq Arnold Cassola fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2004. Kaċċa għas-sħaħar kontra min (forsi) jaqbel mal-abort. Erħilha li dan kien qal li ma jaqbilx. Issa l-mira daret fuq Toni Abela tal-Lejber, li mid-dehra f'xi programm tat-television kien qal li f'ċerti każijiet estremi l-abort jista' jkun ġustifikat. U ara l-irwiefen tal-kundanna dlonk jibdew jonfħu, bil-vittma l-ġdida jagħmel mhux pass wieħed imma erba' passi lura. Qalilna, Dottor Abela, li mhux talli huwa kontra l-abort, talli bħala avukat kien irnexxielu jġiegħel lill-qorti ta' Malta twaqqaf waħda mara milli ssiefer, għax skond hu kienet se ssiefer biex tagħmel abort.

Ħmmm. Idea interessanti din. Forsi ta' min jissuġġerixxi li ntellgħu purtiera tal-ħadid madwar il-gżejjer Maltin. U kif inkunu fiż-żifna naqtgħu l-linji kollha tal-komunikazzjoni ħalli nrażżnu l-mewġ tal-ħażen li qed iħabbat fuq ix-xtut ta' Malta u se jispiċċa jħassar is-soċjetà u t-tradizzjonijiet tant għeżież tagħha. Ara kemm tkun idea tajba, lanqas klandestini ma jibqgħu jidħlu f'Malta.

Rari jonqos milli jipprovdilna perli ta' dehen il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat. L-aħħar waħda nebbaħna biha wara li tħabbar li Louis Galea kien se jiġi nnominat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Nesa kemm kienu għajruhom b'xorti lil Galea u lil John Dalli. Issa f'daqqa waħda dawn it-tnejn saru tnejn mill-aħjar elementi tal-gvern Nazzjonalista, imwarrbin u mormijin minn Gonzi. Tajjeb, allura x'suppost nagħmlu? Nibagħtu 'l xi ħadd inkompetenti u medjokri jirrappreżenta 'l Malta fl-istituzzjonijiet tal-UE? Jaqaw hekk se jibda jagħmel meta jilħaq il-ħolma li jsir Prim Ministru Progressiv ta' Malta? Mill-ewwel jiġuni f'moħħi xi eżempji ta' nies li kieku "jlaħħaq" seħibna Joseph. Diġà rajnih juża l-istess prinċipju fil-partit tiegħu...

No comments: