Tuesday, April 13, 2010

Għajn Tuffieħa u l-Ġnejna

Nieħdu r-ruħ tiġi r-rebbiegħa. Daqs kemm kont nistenna t-tmiem tas-sajf f'Malta sirt nistenna t-tmiem tax-xitwa issa li qiegħed il-Belġjum. It-tmienja ta' filgħaxija u x-xemx għadha qed iddawwal il-kamra. Fil-ġnien tista' toħroġ liberament, mingħajr ma tinġazza wara ħames sekondi. Mhux biss, hemm diġà arja verament pjaċevoli.

L-istess arja pjaċevoli kienet tinħass fil-bajja ta' Għajn Tuffieħa meta morna s'hemm waqt il-vaganzi tal-Għid, għal darba darbtejn, u bassart li forsi tkun l-aħħar bastjun ta' ambjent naturali f'Malta, wara li l-bqija tal-pajjiż ikun inkesa fil-ġebel u bil-konkos. Allaħares, imma tant hu miżmum tajjeb u mid-dehra protett minn għaqda ambjentalista, il-Gaia, li tieħu r-ruħ u tgħid, ejja, hawn post f'Malta li mhux mhedded mill-għedewwa tal-ambjent.

Wisq sabiħ Għajn Tuffieħa. L-ewwel darba poġġejna bil-qiegħda fuq ir-ramel, tliet koppji ħbieb antiki, u qgħadna npaċpċu għal sigħat sħaħ hemmhekk, taħt xemx qawwija mhux ħażin, imma b'żiffa friska tpatti għaliha. Dakinhar osservajt lil xi nies jixxabbtu fuq għadd ta' passaġġi fuq it-tafal aktar 'il ġewwa, fil-parti bejn Għajn Tuffieħa u bajja ta' maġenbha, il-Ġnejna, u tħajjart li l-ewwel ċans li jkolli darb'oħra mmur nittawwal s'hemm. B'hekk ġiet it-tieni okkażjoni fi żmien ftit ġranet li morna Għajn Tuffieħa, did-darba naqra aktar 'avventuruża' għax tlaqna jien u Sue nimirħu fuq it-tafal ta' bejn iż-żewġ bajjiet.

Ara xi ġmiel hemm:

Ħasra li meta tħares lura tara dik il-monstrożità ta' bini qed jiġġarraf, dak li (mingħalija) kien xi darba r-Riviera Martinique. Mamma mija xi kruha, x'kuntrast ikrah għall-ġmiel li hemm madwaru. Imma, proprja proprja, x'inhuma jistennew l-'awtoritajiet' (in)kompetenti biex iwaqqgħuh darba għal dejjem? Hemm xi ostakoli legali? Jew sempliċi inerzja infinita? Nispera li immaġinazzjoni żbaljata tiegħi, imma jien u tiela' lura mit-taraġ maġenb ir-rovini stħajjilt li l-arkati qishom qed jiġu rranġati. Ma jmurx se jirrestawrawh hu? Anqas naf ikunx aħjar jew agħar. Kif inhu ikrah, imma limitat u mill-bogħod ma tantx tagħti kasu. Jekk jerġa' jinbena min jaf kemm jespandi? X'biża', tgħid ġej xi Golden Sands Hotel ieħor? Xejn m'hu sagru f'Malta? Lanqas l-aħħar roqgħa ta' ġmiel naturali?

Komplejna għal għonq it-triq u malajr insejnih it-tiġrif. Wasalna sal-promontorju tafli ta' bejn Għajn Tuffieħa u l-Ġnejna. Infexxejt niġbed ir-ritratti u Sue tistennieni aktar 'il quddiem, imma ma ddejqitx. Mhux it-tip ta' post li tiddejjaq tistenna fih! Is-sett sħiħ ta' ritratti ħarġu tajbin ħafna u tfajthom fuq il-Picasa. Hemm wisq biex inġibhom kollha hawn. Dan ta' hawn taħt juri l-bajja ta' Għajn Tuffieħa min-naħa l-oħra li s-soltu mdorrijin narawha. Il-bini monstru jidher fit-tarf ħdejn it-taraġ. Mill-bogħod kemm kemm m'għandux ċertu faxxinu, qisu xi rovini ta' minn żmien l-antik.

Dorna mal-promontorju, ixxabbatna xi ftit minn fuq partijiet goffi bi blat imwaqqa', sa ma nżilna qrib l-ilma fejn hemm skoss blat li min jaf kemm ilu li tgerbeb 'l hemm isfel. Erġajna tlajna u komplejna d-dawra minn fuq passaġġ dejjaq maġenb żurżieqa twila tat-tafal li tibqa' nieżla l-baħar, in-naħa ta' barra tal-Ġnejna fejn jintlaħaq biss mill-baħar... jew miż-żurżieqa.

Għidna kos, kieku dat-tip ta' pajsaġġ naraw bħalu f'xi Ċipru jew l-Iżrael, ngħidu oooh kemm għandhom sabiħ. Imma dal-pajsaġġ qiegħed f'Malta, u qatt ma naraw dat-tip ta' ritratti li jirreklamaw lil Malta, dejjem l-istess xeni tal-katidral tal-Imdina, it-tieqa tad-Dwejra, u xi ritratt ta' xi festa. Sbieħ, imma fejnha l-varjetà? Għandna mijiet ta' postijiet sbieħ biex nistgħu niftaħru f'din naqra ta' ġebla li għandna. Mijiet. U safrattant anki ta' Għajn Tuffieħa, dawn l-inħawi meraviljużi, affaxxinanti, juru dejjem l-istess ritratt li xbajna naraw. Forsi għax tista' tiġbdu minn erba' passi 'l bogħod mill-karozza...

Daqshekk, iddeċidejt issa. Ir-ritratt tal-bini mġarraf se nneħħih, u minfloku npoġġi wieħed sura! Hekk aħjar, lanqas ħaqq kien se jħassarli l-paġna jaħasra. Ara xi ġmiel minflok. Din dik ir-ramla żgħira n-naħa ta' barra tal-Ġnejna, li tintlaħaq biss mill-baħar jew miż-żurżieqa tat-tafal:

U din il-veduta li stajna napprezzaw b'ħarsa 'l fuq mill-birra u l-Kinnie li ħadna wara l-mixja:

X'ċuċ huma s-Sejxells u l-Kanarji?

No comments: