Monday, April 5, 2010

Il-Bojler Numru 7

Għal min jgħid li aħna l-Maltin nieħdu lilna nfusna wisq bis-serjetà, u li m'għandniex sens ta' umoriżmu jew ta' ironija, issa għandna l-prova li dan mhux veru.

Wara li nqata' d-dawl f'Malta kollha għal bosta drabi, kaġun ta' ħsara f'dak li ġie identifikat bħala l-Bojler Numru 7 fl-impjant tal-enerġija tal-Marsa, mid-dehra antik u ma jiflaħx għal iktar strapazz, eluf ta' Maltin iffurmaw fan club fil-Facebook, li l-membri tiegħu jgħidu li huma "ammiraturi" tal-Bojler Numru 7. Il-bojler li għandu personalità. L-uniku bojler fid-dinja, skond Daphne Caruana Galizia, li jinsab "on first name terms" mal-popolazzjoni.

Fir-realtà din mhix xi ħaġa taċ-ċajt. Dal-bojler difettuż qed jikkawża ħsara sostanzjali lill-ekonomija ta' Malta kull darba li kaġun tiegħu l-pajjiż jintefa' f'kaos meta jinqata' d-dawl, bl-inkonvenjenza enormi għal kulħadd marbuta ma' dan.

Imma, wara kollox, aħna l-Maltin ukoll għandna sens ta' awtoironija, u dan jispjega għaliex eluf minna ddikjaraw li huma "ammiraturi" ta' xi ħaġa li ma taħdimx sew. Inħossni kburi ngħid li malli sirt naf b'dal-grupp isseħibt miegħu jien ukoll.

No comments: