Sunday, June 20, 2010

Ħassrulna nofs il-gost

Ġimgħa u nofs tard, nista' nibda nikkummenta fuq il-Werdkapp tas-Sawtafrika: l-ewwel Werdkapp li qed issir fil-kontinent Afrikan, b'rispett għall-politika tal-FIFA li l-ikbar kompetizzjoni tagħha ddur l-erbat irjieħ tad-dinja.

Prosit! Huwa anki rikonoxximent għall-progress kbir li wettqet l-Afrika fil-futbol, tant li bla dubju saru t-tielet forza fid-dinja fejn jidħol futbol. Bosta pajjiżi Afrikani huma ffissati fil-futbol. Hemm tant plejers Afrikani ta' livell mondjali li jilagħbu mal-aqwa klabbs fid-dinja, u ngħid ma tkunx sorpriża kbira kieku xi darba mhux fil-bogħod ikun pajjiż Afrikan stess li jispiċċa jsir iċ-Ċampjin tad-dinja.

Imma x'impressjoni qed jagħtu lid-dinja? X'idea qed jieħdu dawk il-miljuni u miljuni kollha ffissati fil-futbol, u li għalihom dan hu bla dubju l-aktar avveniment importanti, mhux sportiv biss, li jseħħ fid-dinja? L-Afrika qed torganizza l-Werdkapp, għajnejn id-dinja qiegħda fuqhom, imma tista' tgħid l-unika ħaġa li laqtitna mill-avveniment s'issa kienet... il-vuvużela!

X'ħasra. Fejn hi l-allegrija tradizzjonali Afrikana, fejn huma n-nies libsin ikkulurit jiżfnu u jdoqqu t-tnabar? Xejn. Minflok għandna żanżin monotonu kontinwu li joħnoq għal kollox kull emozzjoni mil-logħbiet. U jgħidulna dik il-Werdkapp tagħhom, ma niddettawlhomx kif għandha ssir, tradizzjoni, blablabla... Ħalluna tridu? Il-Werdkapp hi ta' kulħadd, tal-pajjiżi kollha fid-dinja, u mhux tas-Sawtafrika. Lis-Sawtafrika tawhom id-dritt biex jorganizzaw il-logħob, mhux biex iħassruh!

Tradizzjoni hux? Iddaħħaqnix trid! Kull użanza bla sens jew ħażina fid-dinja jiġġustifikawha bl-iskuża universali ta' "tradizzjoni". Il-vuvużela mhix tradizzjoni, imma hija sempliċiment l-agħar reklam immaġinabbli għall-futbol Afrikan.

No comments: