Saturday, June 12, 2010

Bejn Werd Kapp u eżamijiet tal-Olandiż...

Dal-wikend għandna l-elezzjoni hawn fil-Belġjum. Ħafna issa qed jitkellmu fil-miftuħ fuq il-possibbiltà li l-pajjiż jinqasam, imma ma naħsibx li jiġri hekk. Il-pajjiż tista' fil-fatt issejjaħlu pajjiż għax għandu:

1. Isem
2. Re
3. Belt kapitali li ż-żewġ naħat iriduha għalihom, għax hemm il-pappa pprovduta mill-Unjoni Ewropea

Il-bqija anki l-partiti politiċi mifrudin f'żewġ settijiet. M'hemmx partit wieħed li hu wieħed pan-Belġjan. U ma nafx eżatt x'mingħalihom se jsolvu billi għamlu elezzjoni, għax il-problemi eżatt l-istess se jibqgħu u n-numru ta' Fjammingi u ta' Frankofoni mhux se jinbidel. Nistennew, u naraw ikomplux ikarkru bħala pajjiż wieħed kif ilhom għal snin sħaħ.

Sadattant jien għadni ma nistax niġri, u issa bdejt niddejjaq nistenna sakemm jgħaddili. Ħeqq, paċenzja. Kważi sena sħiħa ġiri moħlija se tkun.

U sadattant ukoll issa ġiet il-Werd Kapp, li diġà toħodli l-biċċa l-kbira tal-ħin liberu. Żid ix-xogħol, ix-xogħol tad-dar, u kemm jifdal ħin? Forsi biżżejjed biex nistudja għall-eżamijiet tal-Olandiż li se jkolli fi ftit ġranet oħra. Għax biex ġejt ngħix hawn, mhux lingwa waħda ġdida qed ikolli nitgħallem imma tnejn.

Jiġifieri mħabba nuqqas ta' ħin il-Gallarija jkollha titbexxaq naqra għalissa, għeżież żewġ qarrejja. Se nħalli ritratt sabiħ iżejjen il-faċċata u nibda nistudja. Aktar tard, nispera qabel l-aħħar ta' Ġunju, nerġa' niġi nkompli nħarbex. Nispera ma timmissjawnix iżżejjed...! Ok? Moħħkom hemm. (Ġastinkejs - innota l-bandiera mgħollija bil-kitba fuqha: "Ironija")

P.S. Ir-ritratt kien meħud f'ġurnata sħuna immens waqt mixja f'bosk ġewwa Spa, is-sajf tas-sena l-oħra.

P.P.S. Jekk vera ma tgħaddix mingħajr il-bloggati tiegħi, għażiż qarrej, tista' tqalleb fil-kitbiet l-antiki (il-links fuq ix-xellug). Hawn massa kitba mhux ħażin, u jkolli nammetti li dejjem insibha interessanti nerġa' naqrahom. Mhux biex niftaħar ta, imma sempliċiment biex niftaħar naqra :-)

No comments: