Monday, November 2, 2009

L-inqas post eżotiku fid-dinja... imżewwaq bil-ġmiel

Fil-ħemda tal-qalba tal-ħarifa, bis-siġar jagħtuna wirja spettakolari ta' kuluri mill-isbaħ, qattajt ġimgħa 'l bogħod mix-xogħol, indawwar lil ommi u 'l missieri li ġew jarawna hawnhekk fil-Belġjum. Kienet l-okkażjoni biex nerġa' nżur xi wħud mill-postijiet l-aktar għal qalbi li hawn f'dan li naqra naqra sar pajjiżi, għallinqas sakemm għadni qed naħdem hawnhekk.

Villers-la-ville, raħal fil-Wallonja li jħaddan il-fdalijiet ta' Abbey antika, li għal xi raġuni ġiet abbandunata. L-ilwien tal-ħarifa komplew sebbħu l-kumpless.



Namur

Kont żort Namur fis-sajf tal-2007, u kien għoġobni. Fit-tieni żjara l-ġimgħa li għaddiet ikkomfermajt, anzi saħħaħt l-impressjoni tajba li kelli ta' dil-belt sabiħa, ħajja, u fl-istess ħin paċifika. Rajna l-parti l-antika, b'diversi monumenti u knejjes spettakolari, il-ħajja movimentata tal-post, ikla ġol-bitħa interna ristorant Taljan - San Marino - li nirrikkmanda lil kull min jitħajjar iżur dil-belt. Imxejna sax-xmara, u tlajna ċ-ċittadella, minn fejn kien hemm veduti mill-isbaħ tal-belt fix-xemx nieżla. Xi ġmiel kien hemm!

Mons - aktar kajmana, medjoevali, kwieta. It-toroq iserrpu 'l hawn u 'l hinn, imma kollha jagħtu għat-telgħa lejn il-quċċata, fejn hemm ukoll qisha ċittadella, b'kampnar enormi li jiddomina l-inħawi kollha tal-madwar. Fost diversi parroċċi hemm il-katidral ta' Sainte Waudru, mimli xogħlijiet artistiċi mill-isbaħ.

Ghent
L-ewwel darba li mort Ghent ma tantx kien temp sabiħ, u kont kemmxejn mhux f'sikkti. Xorta waħda kien irnexxieli niġbed sett ritratti tajbin. Mid-dehra m'għandix naraha fl-aqwa tagħha dil-belt, għax did-darba kienet maqlugħa ta' taħt fuq, bi trakkijiet, krejnijiet, partijiet magħluqa u storbju tat-tħaffir iħassru l-gost kollu. Dħalna fil-katidral ta' Sint Baafs, li għallinqas ma kienx imdawwar bit-tħaffir, u erġajna konna impressjonati bir-rikkezzi li sibna fih. Irnexxieli anki niġbed ritratt fejn ma kien jidher l-ebda makkinarju tal-bini. Anzi le, għax anki f'dan iddeffes it-tarf ta' tower crane. Il-belt magħrufa għall-kampnari u t-torrijiet sfat maħkuma minn tip ieħor ta' torri... Nimmaġina meta jirrestrawraw il-bosta monumenti f'dal-post, u nammetti li għandhom bżonn tajjeb ta' restawr, Ghent jiġi isbaħ milli kien qabel. Imma aħjar nistennihom ilestu.

No comments: