Sunday, March 7, 2010

Manna ġejja mis-sema

Din tal-prezzijiet tad-dawl u l-ilma naraha xempju ta' dak kollu li hu ħażin fl-isqaq politiku, hekk imsejjaħ demokratiku, li daħlet fih Malta.

Mela, l-ewwel prinċipju bażiku. Id-dawl (interessanti din kif l-enerġija elettrika f'Malta nsejħulha dawl, imma insomma) u l-ilma ma jistgħux jitwasslu fid-djar tal-Maltin qishom il-manna ġejja mis-sema. Jiswew il-flus, u l-istess ħaġa, il-flus ma jaqgħux mis-sema bħall-manna, imma jiġu mill-bwiet tal-Maltin. Parentesi oħra, fil-fatt l-ilma veru jaqa' mis-sema b'xejn bħall-manna, imma tant kellna mexxejja għorrief matul is-snin li, minflok niġbruh u nużawh, ksew il-widien bl-asfalt biex dan l-ilma jibqa' nieżel dritt fil-baħar, u jgħarraq xi skosst idjar fil-proċess.

U allura, kif konna qed ngħidu, id-distribuzzjoni fid-djar tad-dawl elettriku u l-ilma ħelu jiswa l-belli ewri, u dawn il-belli ewri ma jista' jħallashom l-ebda benefattur providenzjali. Irridu nħallsuhom aħna.

X'ġara imma? Ġara li ż-żejt beda jogħla fil-prezz, u allura għolew ukoll l-ispejjeż biex nipproduċu d-dawl u l-ilma, imma biex ma jidhrux koroh u jitilfu l-voti l-gvernijiet li kellna żammew il-prezz tal-konsum tagħhom mid-djar baxx. Il-Water Services u l-Enemalta spiċċaw allura joħorġu b'telf kbir li kien jagħmel tajjeb għalih mill-fondi dejjem aktar limitati li kellu l-gvern, li sadattant kien qed jiġma' dejn ta' mijiet ta' miljuni ta' (dak iż-żmien) liri. U sadattant in-nies fid-dar jikkunsmaw l-ilma u d-dawl bl-addoċċ għax hekk jew hekk kienu rħas...

Meta tela' Alfred Sant fil-gvern induna li dil-biċċa xogħol ma kinitx tagħmel sens. Min jaħli ħafna elettriku u ilma jrid iħallas il-prezz għalihom, u ħa l-passi li kien hemm bżonn biex il-prezzijiet tagħhom jirriflettu aktar kemm fil-fatt jiswew. Ma sabx x'mar jagħmel. Rewwixta. Kemm għajruh kiefer, bla kuxjenza soċjali, minn kollox. Għajruh, naturalment, in-nazzjonalisti dak iż-żmien fl-oppożizzjoni. Il-laburisti għalqu ħalqhom u belgħu l-kanna bil-kwiet, u bdew jiġġustifikaw lil Alfred Sant u jwaħħlu fil-gvern ta' qablu għax kien ħalla ħerba fil-finanzi tal-pajjiż. Hekk kienu jgħidulhom fuq is-Super Wann.

Wara ftit il-gvern ta' Alfred Sant waqa' b'tisbita kbira, u żgur li dil-biċċa xogħol tad-dawl u l-ilma kellha sehem importanti fil-waqgħa ta' dak il-gvern. Il-gvern ġdid nazzjonalista reġa' raħħas xi ftit il-prezzijiet (imma mhux għal kif kienu qabel...), u l-poplu kompla jikkonsma bl-addoċċ. Elezzjoni waħda wara l-oħra n-nazzjonalisti baqgħu hemm, sakemm fl-aħħar anki huma kellhom iċedu għall-inevitabbli - id-dawl u l-ilma jridu jogħlew bil-goff għax m'hemmx biżżejjed flus biex nibqgħu nipproduċuhom mingħajr ma nkomplu niddejnu u nlaqqtu xebgħa sanzjonijiet mill-Unjoni Ewropea minħabba d-defiċit.

Ħupp. Il-folja kienet inqalbet ta' taħt fuq. Eżatt bil-maqlub. In-nazzjonalisti issa qed jippruvaw inessu xi plejtu kienu għamlu meta Alfred Sant għamel eżatt dak li qed jagħmlu huma issa. Il-General Workers Union ta' Tony Zarb komplew juru kemm fil-fatt kull ma huma sempliċi estensjoni tal-lejber. Dak iż-żmien l-ebda protesta, issa joħorġu l-eluf tan-nies jipprotestaw fil-Belt u jgħajru u jinsulentaw lill-membri parlamentari tal-gvern. Għaliex dawn l-istess nies ma ħassewx li kellhom bżonn jipprotestaw fi żmien Alfred Sant?

Sadattant issa n-nazzjonalisti wasal il-mument tagħhom li jagħlqu ħalqhom u jibilgħu l-kanna tal-ilma bil-kwiet. U issa qed jiġġustifikaw il-prezzijiet għoljin, addijo kuxjenza u boxxla soċjali. Is-sabiħa hi din. Jitkażaw b'dawk li llum qed jipprotestaw għax fi żmien Alfred Sant kienu qagħdu kwieti, u ma jirrealizzawx li huma stess ħatja ta' eżatt l-istess inkonsistenza loġika, frott il-fanatiżmu partiġġjan li ħarbtilna għal kollox il-fakultà li nirraġunaw b'moħħna minflok b'moħħ il-partit. Ngħajru lil xulxin bl-istess dnub li qed nikkommettu aħna stess.

Le, le, tal-għaġeb kemm qegħdin sew.

No comments: