Thursday, May 6, 2010

Il calcio italiano sul satellite: stendiamo un velo pietoso...

Ilbieraħ kien hemm il-final tal-Coppa Italia. Bħas-soltu f'dawn l-aħħar snin kienet bejn ir-Roma u l-Inter. Il-logħba ntlagħbet erbat ijiem biss wara li l-Inter prattikament rebħu l-Iscudetto, a spejjeż tar-Roma. Dan billi rebħu kontra l-Lazio, b'dawn tal-aħħar jitilfu apposta biex żgur l-Iscudetto jirbħuh l-Inter u mhux ir-Roma. Tista' timmaġina allura f'liema atmosfera ta' sportività ntlagħbet il-logħba tal-bieraħ. Eluf ta' aġenti ta' pulizija kontra l-irvellijiet, it-toroq kollha lejn l-Olimpico ta' Ruma magħluqa għat-traffiku, tiftix fl-inħawi ta' madwar l-Olimpico. Partijiet mill-istadium vojti biex it-tifosi jkunu l-bogħod minn xulxin. Atmosfera ta' gwerra.

Il calcio è un gioco, jgħidulek. Lo sport più bello del mondo. Il campionato più bello del mondo. Għas-superlattivi ħadd ma jgħaddihom kieku.

Il-final kienet mimlija daqqiet ta' sieq, provokazzjonijiet, kien hemm invażjoni tal-grawnd. Spettaklu tal-mistħija. Il-logħba ntweriet diretta fuq ir-Rai Uno, imma fl-Italja biss (u, ma nistax nifhem kif, f'Malta wkoll). Bis-satellita, bħal ma jiġri spiss meta juru xi logħba football, it-trasmissjoni kienet kriptata - skrin iswed.

Ma ttihomx tort. Spettaklu bħal dak ħasbuha tajjeb li jiċċensurawh. Bit-Taljan jgħidulu "stendiamo un velo pietoso".

No comments: