Sunday, May 2, 2010

Il-Parc de La Hulpe

Hawnhekk il-Parc de La Hulpe, fl-aħħar parti tax-xitwa, meta kienet qed tbatti l-morsa ta' kesħa u borra li fix-xitwa li għaddiet damet ix-xhur. Meta l-pajjiż ikun miksi bil-borra nħobb immur niġri l-ġirja t-twila tiegħi tal-weekend hawnhekk. Ikun hemm pajsaġġ spettakolari, imma għad ma rnexxilix nieħu ritratt tal-post miksi bil-borra. Kont naf li qed idub kollox u mort nipprova niġbed xi ritratti qabel ma jkun tard wisq. Imma diġà kien tard wisq għax is-silġ kien dab ħafna minnu, u li sibt minfloku kien it-tajn. Issa jonqosni nistenna mill-inqas sena biex niġbed ritratt tal-Parc de La Hulpe taħt il-borra. U frankament, m'għandi l-ebda għaġla biex tasal ix-xitwa.

Minflok irnexxieli niġbed dan, wieħed mir-ritratti favoriti tiegħi. Minbarra taħt il-borra, għad irrid ninzerta wkoll il-ħarifa bil-kamera hawnhekk, speċjalment jekk tkun xi għodwa biċ-ċpar ħiereġ mill-ilma tal-għadajjar. Wisq sabiħ ikun.

No comments: