Saturday, October 10, 2009

Awguri Obama!

Il-Premju Nobel għall-paċi li għadu kemm rebaħ Barack Obama skond ħafna nies ma ħaqqux jieħdu għax għadu kmieni wisq u għadu ma għamel xejn.

Ma naqbilx ma' dawn in-nies.

Obama għamel l-aktar ħaġa importanti. Daħħal xaqq tama wara snin twal ta' dlam u pessimiżmu. Daħħal sens ta' rieda tajba li kienet nieqsa prattikament fil-kwartieri kollha speċjalment f'dak li kien hemm qablu. Fejn qabel ħafna minna konna nqisu lill-Amerka, u speċjalment lejn min imexxiha, bħala arroganti u l-bully tad-dinja, issa qed inħarsu lejn Barack Obama bħala dak li forsi fl-aħħar idaħħal sens ta' rieda tajba fost il-ġenn ġenerali li taħkem f'tant postijiet madwar id-dinja kollha.

L-aktar ħaġa importanti Obama diġà għamilha. Biddel id-direzzjoni li kien miexi fiha pajjiżu. Biddel l-attitudni lejn il-bqija tad-dinja. Solvihom il-problemi? U żgur li le! Mhux dak il-punt. Naħseb ħadd minn min qatt irċieva l-Premju Nobel tal-paċi ma kien għadu solva l-problemi li kien hemm. Il-Premju mhux dwar ir-riżultati, imma dwar l-impenn biex jinkisbu r-riżultati. Li President tal-Amerka jiddikjara b'mod ċar l-ambizzjoni tiegħu li d-dinja ssir post mingħajr armi nukleari mhix xi ħaġa taċ-ċajt l-aħwa. Qatt ma naf li President Amerikan iddikjara dan daqshekk b'mod miftuħ. Li President tal-Amerka, unilateralment, jabbanduna l-programm ta' missili anti-missili fl-Ewropa, eżatt qabel taħditiet ta' summit mar-Russja, mhix xi ħaġa taċ-ċajt l-aħwa.

Obama issa sar il-mexxej li ħafna nies jixtiequ li kieku kien ta' pajjiżhom. Għandu kariżma u fuq kollox għandu viżjoni . B'xorti tajba nzerta qiegħed fil-pożizzjoni fejn l-iktar jista' jkollu influwenza qawwija. Il-Premju Nobel, minbarra r-rikonoxximent lil Obama talli daħħal it-tama mill-ġdid f'dinja mifnija bil-pessimiżmu, għandu effett ieħor importanti. Se jirresponsabbilizzah biex ikompli jaħdem ħalli jikseb dawk ir-riżultati li x-xettiċi qed igergru li għadhom ma waslux. Issa li qed iġorr dit-tikketta fuqu tal-Premju Nobel tal-paċi, Obama jrid jaħdem biex ikompli jiġġustifika t-timbru li ngħata. Voldieri l-premju għandu jservi bħala spinta oħra biex forsi 'l quddiem ikollna dinja inqas miġnuna minn din li hawn bħalissa.

No comments: