Friday, October 9, 2009

"Deċiżjonijiet" li ħarġu bl-iskont

Ir-regoli l-ġodda jgħidulhom. Imma suppost mhux "Deċiżjonijiet fuq il-varjanti" kellhom ikunu? Mela ħa naraw x'kienu l-aktar deċiżjonijiet importanti li suppost qatgħu il-kundanna fuq hekk imsejħa "varjanti".

Nibdew biċ-ċelebrità l-kbira nett, dik li tant għandhom għal qalbhom.

Fil-fatt jien dawn insejħilhom deċiżjonijiet li ħarġu bl-iskont, u bl-iskont affarijiet ta' bl-irħis tistenna. Mela. Jekk għal ħajjitna kollha ilna dejjem niktbu skond, naħseb hemm raġuni. Ir-raġuni jagħtuha d-dizzjunarji kollha tal-Malti li hawn fl-univers: għax ġejja mit-Taljan "secondo". Din ma kinitx varjant! "Skond" ħadd ma (kien) jiktibha bl-ebda mod ħlief kif jien niktibha hawn. "Għax irridu nħaffu l-kitba għal min isib il-Malti diffiċli...". JITGĦALLMU! Għalhekk jeżistu l-iskejjel. Il-kliem bl-Ingliż safrattant ma nispelluhx kif jinħass, imma nitgħallmu kif niktbuh kelma b'kelma! "Għax hemm id-derivattivi skonti, skontok, skontu...". MHUX VERU. Skonti mhix kelma, imma aberrazzjoni. Bil-Malti korrett ngħidu "skond jien" u "skond inti". Skont ħaġa waħda biss tista' tfisser - roħs fil-prezz.

Imbagħad ammettewha allura, li bl-ossessjoni li għandhom li jinkiteb kollox kif jinħass, Sindku suppost saret Sintku. Imma tant "indrat" li ħallewha kif kienet, qalu. Allura "skond" ma ndratx! Morru qallbu ftit fil-liġijiet ta' Malta ħa taraw jekk indratx. Jew fit-testi tal-Vanġelu bil-Malti. U ħalluna tridu!

Aktar bużullotti: kasbar issa jriduha każbar. Din ma kinitx varjant lanqas. Kulħadd kasbar kien jikteb, ħlief min ma tgħallimhiex sew fl-iskola. Allura nġiegħlu lil kulħadd jikteb bħall-injuranti. Għafrid issa jriduha għafrit. U ĦALLUNA TRIDU!

Mela għiduli din. Għaliex inbid ma saritx imbit? Għaliex żrinġ ma saritx żrinċ, u żrinċijiet? Għaliex bodbod ma saritx bodbot u bdabat? Dawn l-ebda waħda m'għandha derivat minnha, u bir-raġunar tas-salvaturi tal-lingwa Maltija suppost jinkitbu kif jinħassu. Biex ma nsemmix it-tvalja, li jriduha dvalja. JAQQ! Maħmuġa naħseb id-dvalja.

Iċ-ċelebrità l-kbira l-oħra li ħarbtet il-korp sħiħ ta' mijiet u eluf ta' kotba li jiffurmaw il-letteratura Maltija kollha li hemm teżisti, u li issa ġew kollha miktubin ħażin, hi d-deċiżjoni li l-prepożizzjonijiet ta' u ma', quddiem kelma bl-artiklu li tibda b'vokali jew konsonanti silenzjuża, issa se jingħaqdu mal-artiklu. Mela għal ħajjitna kollha tgħallimna, kollha kemm aħna, niktbu "ta' l-annimali", "ma' l-artiklu", "ta' l-Olanda". Mur dur dawra ma' Malta, u ara l-ismijiet tat-toroq miktubin mal-kantunieri. "Triq ta' l-Inkwiżitur", "Triq ta' l-Għasafar", kemm trid tara. DIN MA KINITX VARJANT, imma regola li kien jafha kulħadd. Jew għallinqas kull min indenja ruħu jitgħallem il-Malti sew fl-iskola. Imma kien hemm min ma tgħallimhiex ir-regola, u allura? Allura nibdlu r-regola, u b'daqqa ta' pinna kull ktieb li qatt ġie ppubblikat bil-Malti issa qiegħed spellut ħażin. Bravi! Bravi tassew! Povri t-tfal li jġiegħluhom jistudjaw il-letteratura Maltija għall-Matrikola tal-Malti, fuq kotba spelluti ħażin.

Hemm oħrajn ta. Il-bieraħ saret ilbieraħ. Imma x'tathom f'għajnhom din? KULĦADD IL-BIERAĦ KIEN JIKTEB! Għalfejn dat-tidwir għalxejn jaħasra? Se nġennu 'l kulħadd! Jew l-oħra, "Ammenn", eh sori, "Ammen". U ejja! Amen, f'ġieħ kemm hemm. Kulħadd hekk jafha, kulħadd hekk jiktibha, fid-dinja kollha. Nixtieq naf x'qalu fil-Kurja meta raw dar-regoli. Ikun imfaħħar il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti! Allura jekk se taqli bajda, aqlija sew. Dik mhux Ammen tinħass, imma Ammenn. Jekk trid tispelliha kif tħossha, allura ħossha sew.

Ara, ħa mmur 'l hemm. Insellmilkom, u nixtiqilkom illejlittajjeb...

No comments: