Wednesday, August 18, 2010

Ġidra irresponsabbli

"Fireworks are my addiction... and we are all at God's mercy", qalilna wieħed minn dawn il-fanatiċi tal-isparar tal-bombi, li tant iwerwru tfal u trabi, u joħolqu miżerja għan-nies morda u inkonvenjent għan-nies normali li jixtiequ jgħixu ħajjithom bil-kwiet fi djarhom.

Das-sinjur miżżewweġ, u martu qed tistenna tarbija. Imma għalih l-importanti d-delizzju, anzi fi kliemu stess vizzju, dipendenza bla kontroll, fuq l-isparar tal-bombi. Lest jissogra ħajtu, iħalli lil martu armla u lit-tarbija li għadha lanqas rat id-dawl iħalliha ltima - basta jissodisfa l-vizzju tal-isparar tal-bombi.

U jekk hu jew sħabu jħawdu xi waħda, u jispiċċa mtajjar m'għola s-sema b'xi splużjoni milli xbajna nisimgħu? Ma jkunx tort it-traskuraġni, l-injoranza u n-nuqqas ta' responsabbiltà tiegħu u ta' sħabu. Le, it-tort ikun ta' Alla, skond dan.

Ara x'raġunar bażwi ħarġilna bih. Jaf li qed jissogra, imma anki min isuq karozza qed jissogra. Anki fuq ix-xogħol hemm min imut, imma xorta jibqgħu jaħdmu n-nies, u jsuqu l-karozzi.  Jiġifieri skond dan l-għaref in-nies imorru x-xogħol u jivvjaġġaw bil-karozza biex jissodisfaw vizzju bla rażan, għal kapriċċ. Nistgħu ngħaddu mingħajr ma mmorru x-xogħol jew nivvjaġġaw minn post għal ieħor, skond dan l-għaref.

Prosit eh. Imbagħad injorant ġidra irresponsabbli bħal dan jafdawh u jagħtuh liċenzja biex joqgħod jilgħab bl-isplussivi u bil-bombi.

L-aqwa li nsalvaw it-tradizzjoni.

No comments: