Thursday, August 12, 2010

Grazzi Guido

L-ewwel darba li sirt naf bi Guido de Marco kien fil-bidu tas-sebgħinijiet. Kellu xi 42 sena, u kienu ġabu ritratt tiegħu fil-gazzetta, qed jiġi kkunslat mill-kap tal-PN Ġorġ Borg Olivier wara li l-pulizija qasmulu rasu b'daqqa ta' lembuba... talli kien qed jieħu sehem f'ċelebrazzjoni ta' Jum l-Indipendenza. Dak iż-żmien, biex tiċċelebra l-indipendenza ta' Malta kienet kważi xi ħaġa klandestina, semi-illegali, sfida kontra r-reġim. Kienu jgħajruk xewwiexi, traditur, għadu tal-ħaddiem. U tissogra li taqla' xi xebgħa, bil-barka jekk mhux ukoll bis-sehem attiv tal-pulizija.

Kienet immaġini li baqgħet stampata f'moħħi, u għadha hekk sal-lum. Minn dakinhar, u għal bosta snin wara, għalija Guido kien jissimboleġġa r-reżistenza għat-totalitarjaniżmu tal-gvern ta' Mintoff, u wara ta' Karmenu Mifsud Bonnici.

Għall-ewwel kien iddispjaċieni meta laħħqu lil Eddie, u mhux lil Guido, bħala kap tal-PN. Erħilha li wara biddilt fehmti u l-istorja żvolġiet kif jaf kulħadd.

Niftakar kif kien jindirizza lill-folla f'dawk is-snin memorabbli tar-reżistenza kontra r-reġim. Kienu jitkellmu ġeneralment tlieta wieħed wara l-ieħor - l-ewwel Louis Galea, imbagħad Guido u fl-aħħar Eddie. Guido kien jitla' fuq il-podju, u għall-ewwel ftit ma jgħid xejn, jibqa' għal kollox sieket. It-tgedwid ġenerali tal-folla jibda jonqos ftit ftit, u kulħadd jinduna li se jibda jitkellem Guido. It-tgedwid jispiċċa fix-xejn, u fis-silenzju kulħadd jistenna biex jisma' dik l-għajta kbira li għadha tidwi sal-lum f'moħħ tant eluf ta' Maltin:

"NAZZJONALISTI!"

U l-folla twieġeb, b'għajta li ttarrax! Għadu s'issa jaqbadni t-tkexkix meta niftakar.

Kif għadda ż-żmien. U maż-żmien inbidlu l-personaġġi, inbidlu ċ-ċirkostanzi, u nbdilna aħna. L-ideali, il-ħolm, il-viżjoni, saru parti mill-istorja. Konna għadna żgħar, u tkun żgħir tara kollox iswed u abjad. Imma wara tinduna li l-iswed u l-abjad fil-fatt huma griż skur jew aktar ċar, u mhux biss anzi hemm anki tant kuluri differenti...

Il-kelma nazzjonalist lili ddejjaqni. Inqisni minn kollox barra nazzjonalist. Li kien għalija d-dinja pajjiż wieħed, u ma jeżistux nazzjonijiet. Imma jibqa' l-fatt li politikament trabbejt u ġejt imsawwar fis-snin sebgħin u tmenin, u dawk is-snin għamluni Nazzjonalist, fis-sens ta' membru kburi tal-ġlieda għal-libertà u d-demokrazija f'Malta. U wieħed mill-figuri ta' quddiem nett ta' dak il-moviment kien Guido de Marco.

Grazzi Guido. Minn hawnhekk insellimlek.

No comments: