Friday, August 20, 2010

It's a sin...

Ara x'qalilna wieħed Anton Gouder, imlaħħaq sew fil-Kurja, kif irrappurtat fit-Times of Malta tal-bieraħ:

"A convinced Catholic who voted in favour of divorce would be going against Christ’s teachings and this was a sin, the Curia’s Pro-Vicar said during an interview on church radio RTK."

Dan apparti skoss argumentar pwerili ieħor, inkluż diversi drabi meta rrefera għal "pajjiżi li introduċew id-divorzju", daqs bħallikieku hemm xi pajjiżi li fil-fatt ma introduċewhx. Sur Gouder, nimmaġina m'intix injurant, u allura jkolli naħseb li qed tipprova tqarraq bil-fidili, għax fil-fatt id-divorzju fid-dinja kollha daħal!

Imma ħa ngħaddu għall-argument ta' seħibna li l-aktar laqat l-immaġinazzjoni tal-Maltin - il-biċċa xogħol li min jivvota favur id-divorzju jkun qed jagħmel dnub. U jikkwota lil Kristu dan. Erġajna, wieħed għandu linja diretta għal moħħ Alla, issa dan qed idaħħal lil Kristu fi kwistjoni fejn m'għandu x'jaqsam xejn.

Kristu kien għamilha ċara, li r-reliġjon u l-istat m'għandhomx jindaħlu wieħed lill-ieħor. "Agħti lil Ċesare dak li hu ta' Ċesare, u lil Alla dak li hu ta' Alla." Hawn m'aħniex qed nitkellmu fuq iż-żwieġ nisrani. Dik ċara, iż-żwieġ nisrani ma jinħallx. Voldieri, kieku jidħol id-divorzju fl-aħħar rokna li għad fadal fid-dinja fejn dan għadu ma jeżistix (taqta' barra r-repubblika tal-banana magħrufa bħala l-Filippini), huwa ċar li ħadd ma jkun jista' jiddivorzja biex imbagħad jerġa' jiżżewweġ bir-rit nisrani. Dik ovvja. (Almenokè ma jkunx ħa d-divorzju - sori! l-annullament - mingħand il-Kurja stess...).

Mela fuq xiex qed nitkellmu eżattament? F'għajnejn l-istat, iż-żwieġ huwa patt ċivili bejn żewġ persuni, f'Malta bilfors ta' sess oppost minn xulxin. Bid-divorzju dan il-patt ċivili, iż-żwieġ ċivili, jinħall. Wara li jsolvu bejniethom it-taħbila ta' x'isir mit-tfal u mill-assi tal-koppja - taħbila li teżisti diġà bħalissa meta koppja jisseparaw - iż-żewġ naħat ikunu liberi li jerġgħu jiżżewġu. Ovvjament, nerġa' ngħid, dan it-tieni żwieġ impossibbli li jkun żwieġ nisrani, għax f'għajnejn il-Knisja l-iddivorzjati xorta jkunu għadhom miżżewġin. Imma f'għajnejn l-istat dawn issa m'għadhomx miżżewġin, u jistgħu liberament jiżżewġu bir-rit ċivili.

Mela fejn jidħol id-dnub f'dan kollu? Għax jgħixu bħala koppja miżżewġa (kif fil-fatt ikunu) mingħajr ma għamlu s-sagrament taż-żwieġ? OK, veru. Imma dan id-"dnub" ilu jsir f'Malta minn meta fl-1975 daħal iż-żwieġ ċivili. Jiġifieri bid-divorzju fejn konna bqajna fejn jidħlu dnubiet - l-istat diġà jippermettihom. Is-separazzjonijiet diġà qed isiru, u l-ebda Kurja ma tista' twaqqafhom. Bid-divorzju, l-isseparati jistgħu jerġgħu jiżżewġu bir-rit ċivili. Fil-fatt dan ir-rit ċivili diġà ntuża minn eluf ta' koppji f'Malta. F'għajnejn il-Knisja Kattolika dawn kollha qed jgħixu "fid-dnub", imma dik affari tagħhom, bejn il-kuxjenza tagħhom u l-alla tagħhom, jekk għandhom. Affari tagħhom, u tal-ebda Gouder.

Issa dal-povru votant, li qed jiġi mhedded b'eternità fl-infern (sakemm ma jqerrx, issa ngħaddi għaliha din), jekk jivvota favur id-dħul tad-divorzju f'Malta, x'inhi eżattament il-ħtija tiegħu? Dan mhux qed jiddivorzja, mhux qed jgħix ta' miżżewweġ bla sagrament, qed jgħix ħajja ta' nisrani eżemplari, imma... qed jagħmilha possibbli lil min irid jgħix ħajtu mod ieħor biex ikun jista' jagħmel hekk, legalment. Jew issa wieħed mill-obbligi tan-nisrani saret li jrid iġiegħel lil kulħadd jgħix ħajja ta' nisrani bħalu? Kien mingħalija li tgħix ħajja tajba nisranija hija għażla libera, imma mhux skond is-Sur Gouder...

Imma għad fadal tama għal dan il-povru votant: "If a person repents and goes to confession, all sins can be forgiven. If someone steals from his workplace and during confession promises to stop doing so and redeem the stolen goods, I will absolve his sins and he will be able to receive communion".

Voilà, problema solvuta! Jista' jivvota favur id-divorzju, u mbagħad iqerr. Dnubietek maħfura. U b'hekk neliminaw il-biża' ta' xi ġlieda politiko-reliġjuża oħra, meta fis-snin 60 lin-nies kienu jiskomunikawhom għax jivvotaw lil-lejber. Ejja, wara nofs seklu għamilna pass 'il quddiem. Jaħfrulna dnubietna.

No comments: