Friday, August 13, 2010

Viva t-tradizzjoni

Splużjoni enormi llum heżżet lil Malta. Mhix ċajta din, l-aħwa: Malta, kollha kemm hi, pajjiż sħiħ minn tarf sa tarf, mheżża minn splużjoni kkawżata mill-misħuta "tradizzjoni" tal-logħob tan-nar.

Ma jistax ikun nibqgħu sejrin b'dal-ġenn. Imma kulħadd jaf li fil-fatt se nibqgħu sejrin b'dal-ġenn. Issa skoss paroli, forsi noħolqu xi kummissjoni oħra biex tistudja s-sitwazzjoni tal-logħob tan-nar, "waqt li niżguraw li jibqa' salvagwardat id-delizzju tradizzjonali Malti tal-logħob tan-nar", ħafna talb u appelli għall-moderazzjoni, u nkomplu għaddejjin eżatt kif konna qabel, nistennew sakemm tasal l-isplużjoni li jmiss.

X'marru jagħmlu fuq il-post l-aġent prim ministru, l-arċisqof emeritus, id-depjutilider tal-lejber, skoss segretarji parlamentari, il-wipp tal-PN, u kwantità kbira ta' dinjitarji oħra? Ġabru t-tifrik tal-isplużjoni u qegħduhom lura f'posthom? Misshom baqgħu jieħdu s-sjesta d-dar jew fl-uffiċċju, mhux immorru WARA li seħħ il-fatt, wara li ħadd ma kien għamel assolutament xejn biex tiġi evitata traġedja bħal din, immorru biex isemmuna fil-gazzetta u nidhru fuq it-television.

Issa qed jaħsbuha għandhomx iħassru l-festa tal-Mosta li suppost kienet se ssir fil-jumejn li ġejjin. Għadhom lanqas minn dik m'huma ċerti. Ħeqq, jintilef ħafna biżnis hu...

No comments: