Saturday, August 14, 2010

Naqra sinsla, xi ħadd?

Kull ftit xhur il-logħob tan-nar qed iħalli l-vittmi. Irġiel, missirijiet fl-aqwa ta' saħħithom qed iħallu lin-nisa tagħhom romol, lil udielhom iltiema, familji mfarrka, ħajjiet devastati, kollox għal ġieħ id-'delizzju', it-tradizzjoni, u għall-festa tar-raħal.

Kull sena, kull sajf, kull weekend, il-logħob tan-nar u speċjalment il-murtali tal-bomba jwerwru lit-tfal żgħar, iġennu lin-nies morda fi djarhom jew l-isptar, jaqtgħu minn ġewwa lil nies normali li qed jgħixu ħajjithom bil-kwiet bla ma jagħtu fastidju lil ħadd. Kollox għal ġieħ il-festa tar-raħal.

Ma nafx jien. Iparlaw tant fuq morali... Dawn l-affarijiet ma jarawhomx immorali l-awtoritajiet tal-knisja? Fetħu kruċjata kontra d-divorzju għax se jkisser il-familji (meta l-familji diġà jkunu fil-fatt imfarrka); it-tifrik tal-familji kkaġunat bil-logħob tan-nar, il-ħsad ta' ħajjiet fl-aqwa tagħhom, kollox f'isem il-festi reliġjużi, dawn ma jtuhomx fastidju? Ma jqisuhiex immorali l-miżerja li qed tinħoloq b'dawn il-misħutin bombi?

Il-festi sbieħ, imma m'hemmx għalfejn imutu n-nies minħabba fihom, u jkunu ħafna isbaħ mingħajr dan l-istorbju u splużjonijiet vjolenti bla sens.

Ejja Pawl, minnek tiddependi din. Kuraġġ, urina li għandek aktar sinsla mill-awtoritajiet ċivili ta' Malta kollha kemm huma. Meta kien hemm bżonn il-knisja ġieli ħarġet digrieti li fit-tali u t-tali post ma ssirx festa esterna. Bl-istess mod tista' toħroġ digriet li l-logħob tan-nar ma jiġġustifikax dan it-telf kollu ta' ħajjiet, u għandu jinqata'. Forsi fl-aħħar tkun għamilt xi ħaġa għall-ġid, għax s'issa ħlief daħq u tbissim għadna ma rajniex mingħandek.

No comments: