Sunday, July 18, 2010

'L-element uman'

Lanqas għadha għaddiet ġimgħa sħiħa mill-final tal-Werld Kapp, u qisha memorja mbiegħda diġà. Ilħaqt ġejt nikwi hawn f'Malta, dort skoss bajjiet u għumt ħafna, biex inpatti għall-fatt li ma nistax niġri, u x-xjatika jew ma nafx xi x-xjafek għandi f'koxxti reġgħet bdiet tinħass. Issa naqra naqra qed nibda ninkwieta li vera se jkolli nerfa' għal kollox mill-ġiri!

Imma ġejt nikteb hawn issa mhux biex noqgħod nibki. Ġejt biex naqla' minn fuq żaqqi dan l-argument kontra l-ħrafa li jħobbu jsemmu tal-'element uman', dawk kollha li jappoġġjaw lill-FIFA meta tinsisti li ma nużawx teknoloġija biex jonqsu drastikament l-oxxenità ta' deċiżjonijiet tar-referis li jkollu jissaporti kulħadd waqt il-logħob tal-futbol.

Dan tal-element uman hu argument bażwi għal kollox. Sakemm jibqa' jintlagħab il-futbol l-element uman hemm qiegħed u hemm se jibqa'. L-element uman huma t-22 plejer, is-sostituti, il-kowċis, il-ġurnalisti, il-miljuni ta' sapporters iffissati mġienen li jkunu qed jarawhom. IR-REFERI, KIEKU NISTGĦU NGĦADDU MINGĦAJRU GĦAL KOLLOX, IKUN ĦAFNA AĦJAR!

Jekk hemm xi referi qed ibati minn illużjoni li n-nies hija ffissata fil-futbol għax ikun hemm ir-referis... ta' min veru jitħassru. F'dinja ideali, logħba futbol tintlagħab bla referi. Din mhix xi ħaġa inkonċepibbli, għeżież żewġ qarrejja. Il-maġġoranza kbira tal-futbol fid-dinja jintlagħab bla referi. Pereżempju jien u numru ta' ħbieb tiegħi, għal 10 snin sħaħ, kull nhar ta' Sibt konna niltaqgħu f'biċċa grawnd u qatt, imma qatt, ma kien ikollna problema biex il-logħba tintlagħab normali, ovvjament bla referi. Kulħadd jafhom ir-regoli, u rraġuna minn hawn u minn hemm dejjem konna naslu għal qbil jekk kienx penalti, ħendsbol jew fawl.

Nissuspetta, anzi, għalkemm minix ċert hawnhekk, li l-ewwel logħob tal-futbol fl-istorja kien fil-fatt ikun bla referi, u d-deċiżjonijiet kienu jittieħdu b'sens komun bejn il-plejers. Inħass il-bżonn, eventwalment, li f'partiti akkaniti tajjeb li jkun hemm persuna newtrali biex deċiżjonijiet diffiċli jkunu jistgħu jiġu rreferuti (u għalhekk it-terminu 'referi') lilhom. Fil-fatt issa għadni kemm ikkonfermajt li veru dak kien il-każ. Tajjeb li wara li taqraw x'għandi x'ngħid jien fuq is-suġġett tittawlu f'dan il-link, għax hemm rakkont interessanti ta' kif il-figura tar-referi evolviet, minn litteralment xejn għal persuna maħtura minn kull tim biex tissorvelja l-logħba, bla dritt li tintervjeni fil-logħba (wisq sabiħ dal-kliem!), għal appuntu persuna li tiġi kkonsultata għal deċiżjonijiet diffiċli, sal-mument traġiku meta ngħatalhom l-awtorità jibdew jindaħlu u jordnaw ħendsbol, fawl eċċetra. Minn dak il-mument, din il-figura bdiet dejjem tassumi aktar ir-rwol ta' dittatur. Issa wasalna fl-estrem tal-lum il-ġurnata, meta qed niġġustifikaw kull forma ta' deċiżjoni żbaljata, li twassal għal riżultati assurdi u foloz f'kompetizzjonijiet importanti, biex nissalvagwardjaw il-preżenza ta' primadonna dittatur fil-grawnd.

Ħa ngħidha fi kliem ieħor. Fil-bidu tal-istorja tal-futbol inħoloq ir-referi biex deċiżjonijiet diffiċli jittieħdu tajjeb minn persuna newtrali. Issa r-referi m'għadux il-mezz biex jintlaħaq l-għan, imma sar l-għan fih innifsu. Ninsistu li d-deċiżjonijiet diffiċli jittieħdu ħażin, basta jkollna l-'element uman'.

Persuna li għandha awtorità hija rrispettata. Imma persuna b'awtorità, li kulħadd jista' jara li m'hix tħaddem l-awtorità tajjeb, minflok rispett tattira d-disprezz. Dik hi l-pożizzjoni ta' dawn id-dittaturi f'għajnejn in-nies. Biljuni ta' nies raw li l-ewwel gowl tal-Arġentina kontra l-Messiku kien offsajd ċar. Biljuni, prattikament in-nies kollha tad-dinja. ĦLIEF l-aktar żewġ persuni fuq il-pjaneta li kien importanti jkunu jafu eżatt x'ġara - ir-referi u l-linesman. F'sekonda r-raba' uffiċjal seta' jibagħtilhom messaġġ fuq il-headphones seksi li jkunu libsin: "offsajd kien". Dak kollox. F'sekonda tittieħed deċiżjoni korretta u ġusta. U n-nies tirrispettahom ħafna aktar lill-uffiċjali għax jafu li d-deċiżjoni tkun ibbażata fuq il-fatti, mhux fuq impressjoni.

Isiru robots ir-referis, imbilli ntuhom l-għodda li għandhom bżonn biex jagħmlu xogħlhom sew? U żgur li le!

Imma s-Sur Blatter tat-toqba t'għajni jrid l-element uman.

Thursday, July 15, 2010

Għal min forsi kien qed ifittixni...

Skużawni, id-darba l-oħra qarraqt kemmxejn bil-poplu meta wrejt ir-ritratti fejn kont se nqatta' l-eqqel tas-sajf.

Fil-fatt hawnhekk kont qiegħed:


U hawnhekk:


U mument minnhom hawnhekk:



Ah, kemm hemm sabiħ!

Monday, July 12, 2010

L-eqqel tas-sajf

Dħalna fl-eqqel tas-sajf. Għalissa, min jixtieq isibni, tkun idea tajba jekk jipprova waħda hawn:

jew hawn:



jew anki hawn:


Imma żgur mhux hawn:

Tuesday, July 6, 2010

Never a dull moment

U proprju fil-mument li ddeċidejt li ma nibqax nibbloggja, jew għallinqas nillimita l-ibbloggjar għal minimu, hekku jitfaċċa Jeffrey Pullicino Orlando bil-bombxell tas-sena: private member's bill fil-parlament biex jidħol id-divorzju f'Malta!

Ir-reazzjonijiet tiegħi:

1. Never a dull moment f'Malta.

2. Issa naraw kemm vera huma 'progressivi' l-Moviment ta' Progressivi u Moderati ta' Joseph Muscat, magħruf ukoll bħala l-Partit Laburista.

3. Sakemm ma joħroġx xi diktat mill-Isqof Gonzi, se naraw ukoll kif inhuma mqassmin bejn il-partiti l-elementi liberali u dawk konservattivi fil-parlament Malti. Avolja, ikolli ngħid l-Onorevoli membri se jivvutaw kif jaqblilhom biex iġibu l-aktar voti, u mhux kif vera jaħsbuha fil-kuxjenza tagħhom.

4. Li rnexxielu jagħmel ukoll JPO, u ma nafx kinitx (ukoll) dik l-intenzjoni tiegħu, hi li jtajjar il-karrotta li qed idendel Joseph Muscat biex jikkonvinċi lill-eletturi b'tendenzi liberali jivvutaw lilu - dik tal-vot ħieles fil-parlament dwar id-divorzju. Issa m'għandniex bżonn aktar nistennew lil Muscat isir Prim Ministru biex jippreżenta l-famuża private member's bill li kien qed iwiegħed - u li se jispiċċa ma jippreżentaha qatt...

Prosit JPO. Jista' jkun li kont għaxxaqtha bid-diskoteka fil-Mistra, imma b'din għamilt mossa eċċezzjonali li tpatti għaliha sew.

Sunday, July 4, 2010

Ispirazzjoni

Rafa Nadal reġa' għamilha! Wara li s-sena l-oħra ma setax jieħu sehem f'Wimbledon, minħabba wġigħ f'irkopptu li ħafna bdew jaħsbu se tirrovinalu l-karriera, dis-sena ġie lura b'saħħa tremenda. Kaxkar ir-Roland Garros, u issa Wimbledon. Il-ħasra li ż-żewġ finali li huma kienu kemmxejn bla storja - fi Franza kontra Soderling, u llum kontra Berdych. Donnha l-istilla ta' Federer jew bdiet tbatti, jew (nisperaw) battiet għal ftit taż-żmien. Nixtiequ nkomplu naraw aktar battalji bejn dawn iż-żewġ tennisti kbar, u mhux logħbiet finali one-way traffic...

Bħal daż-żmien sena kien hemm sportiv ieħor, inqas famuż, li wkoll għadda minn diżgrazzja sportiva. It-triatleta Malti Fabio Spiteri kien qed jipprepara għal Iron Man - avveniment li jien nista' biss noħlom li qatt nagħmel. Kien lest u kollox, imma fl-aħħar xahar qabel it-tellieqa waqa' fl-isprint finali ta' tellieqa bir-rota, u kiser spalltu. Addijo t-trejning kollu li kien għamel - u għal Iron Man trid tagħmel ħafna, ħafna trejning. Kellu jagħmel operazzjoni fi spalltu, u jagħmel żmien twil jirkupra saħħtu.

Illum, sena wara, il-ħolma ta' Fabio saret realtà, u rnexxielu jagħmilha l-Iron Man.

Fuq skala aktar umli... f'Hoeilaart, il-Belġjum, hawn maratoneta jħarbex dawn l-erba' kelmiet ilu x-xhur ma jistax jiġri, minħabba wġiegħ stupidu fil-koxxa li donnu ma jrid jgħaddi qatt. Hija esperjenza mill-aktar frustranti. Jien ukoll dis-sena ppjanajt biex niġri l-maratona ta' Praga f'Mejju, u kelli nieqaf mill-ġiri, għal żmien indefinit. Anzi, anki stajt nixxennaq nara lil sħabi l-maratoneti l-oħrajn jieħdu sehem f'dan avveniment li diġà kont inktibt u ħallast għalih.

Rafael Nadal, famuż, miljunarju, tennista straordinarju, ammirat fid-dinja kollha. Fabio Spiteri - Iron Man - atleta Malti b'rieda u saħħa straordinarja. Qatt ma nista' noqrob għal-livell tagħhom, imma t-tnejn għalija jservu ta' ispirazzjoni. Praga hemm se tibqa', il-maratona se jibqgħu jorganizzawha, darba fis-sena, u mhux se naqta' qalbi kif ġieb u laħaq milli xi darba mmur lura hemm u niġriha.