Monday, June 28, 2010

Refereeing farce

Fifa: "No goals on stadium screens". Maybe Fifa should go one further. No goals on any TV screen in the world. They might even consider if all football matches should be played behind closed doors, so no one would witness the refereeing farce that Blatter insists we should have. In fact, the teams involved shouldn't even bother playing the matches - the referee will decide the match result, after consulting the linesmen and the fourth official.

Saturday, June 26, 2010

Bqajt tgħaxxaqha sal-aħħar, Monsieur Domenech

Apparti l-vuvużeli. X'ingħidu għall-futbol li rajna s'issa? Tal-għaġeb hu? Vera, aqta' barra lill-Arġentina kollha għaxxquna bil-logħob.

L-Arġentina... kont għidt qabel bdiet il-Werldkapp li jekk imorru tajjeb tkun il-prova li mhux importanti min ikun kowċ jekk il-plejers ikunu tajbin. Fis-sens li "anki" b'Maradona, li bħala kowċ ma jiswa xejn, ikunu marru tajjeb.

Imma jkolli ngħid li għalaqli ħalqi. Bit-tħarbit u l-gwaj li għadda minnu, l-eżempju mill-agħar tal-istil ta' ħajja li kien qed jgħix, ma stajtx nifhem kif fdawh bit-tmexxija tat-tim nazzjonali. U sakemm ikkwalifikaw bil-ħniena bqajna ma nistgħux nifhmu. Issa bdew jilagħbu, u stajna naraw li Maradona rnexxielu jdaħħal fit-tim spirtu eċċezzjonali - konvinzjoni, grinta, entużjażmu. Tarahom fir-reazzjonijiet kull meta jiskurjaw, kollha ġirja waħda għal ħdejn il-bank tas-sostituti, kollha jifirħu flimkien. Rari naraw daqshekk tim spirit fil-futbol. Ovvjament, il-fatt li għandu sett ta' plejers mill-aqwa dejjem jgħin...

It-tim spirit. Ħmmm, pereżempju... Franza? X'effett jagħmel eh t-tim spirit? U x'ingħidu għal Raymond Domenech, mela? Kellu jispiċċa l-karriera tiegħu mat-tim ta' Franza bl-istess mod bħal Franċiż ieħor ċelebri - Zinedine Zidane - bi brutta figura. L-aħħar ħaġa li rajna 'l Zidane jagħmel bħala plejer tal-futbol kienet li joħroġ 'il barra mkeċċi wara d-daqqa tar-ras stil tat-toru fuq sider Materazzi. L-aħħar ħaġa li rajna lil Domenech jagħmel bħala kowċ ta' Franza kienet li rrifjuta jieħu b'idejn il-kowċ tas-Sawtafrika. Sportività eżemplari. Tgħid kien qara fl-oroskopu li ma jaqbillux jieħu b'idejn nies dakinhar, għax iġġiblu l-bedlakk?

Franza għamlu fjask. U dan iġibna mill-ewwel għall-Italja. Fjask kbir, dovut għal raġuni sempliċi ħafna. M'għandhomx biex jilagħbu. It-timijiet Taljani mimlijin plejers barranin, u l-plejers żgħażagħ promettenti jħalluhom jistaġnaw u jrabbu l-għanqbut fuq il-bank tas-sostituti. Dik kollha. Anki l-gowlkipers issa l-biċċa l-kbira barranin. Weġġa' Buffon u qishom kienu qed jilagħbu bla gowler.

Qbadtha fuq il-kowċis illum. Lil Lippi ma tantx għandi grazzja miegħu - narah arroganti wisq. Imma ammirajtu ħafna fil-konferenza stampa li ta wara li ġew eliminati. Emozjonat għall-aħħar, ma qgħadx ifittex l-iskużi, la għax tħassrilhom gowl għalxejn u lanqas għax kellhom l-aktar żewġ plejers importanti - Pirlo u Buffon - it-tnejn imweġġgħa. Bla ebda tlaqliq qal li kien it-tort tiegħu u ta' ħadd iżjed, għax ma rnexxilux joħroġ l-aħjar kwalitajiet mit-tim. Probabbilment, kellu f'moħħu wkoll allura li meta rebħuha erba' snin ilu l-mertu kien tiegħu... Imma jibqa' l-fatt li, għall-kuntrarju tal-kollega arċirivali tiegħu Domenech, Lippi ħareġ mix-xena b'mod dinjituż.

Forsi sinifikattiv il-fatt li waqt li l-Franċiżi u t-Taljani, iż-żewġ finalisti tal-2006, diġà marru lura d-dar, bħalissa qed tintlagħab il-logħba tat-tieni rawnd bejn l-Urugwaj u l-Korea t'Isfel. U għad jonqoshom jilagħbu, fit-tieni rawnd, il-USA, il-Gana, il-Ġapan u s-Slovakkja. Mhix kumbinazzjoni li f'dawn il-pajjiżi ma tantx jilagħbu plejers barranin. Issa naraw kif se tmur l-Ingilterra, fejn ukoll trid tfittex b'nemes biex issib plejer Ingliż jilgħab fil-kampjonat tagħhom.

L-aħħar rimarka fuq il-kowċis. Il-kowċ tal-Ġapan, karattru interessanti li qed jagħmel suċċess ħafna iktar milli kien mistenni bit-tim tiegħu, qal li wara l-Werldkapp se jirtira u jsir bidwi. Nawguralu sinċerament, l-ewwel nett li jirbaħ il-Werldkapp, u t-tieni li jagħmel suċċess mill-karriera l-ġdida li bi ħsiebu jaqbad.

Sunday, June 20, 2010

Ħassrulna nofs il-gost

Ġimgħa u nofs tard, nista' nibda nikkummenta fuq il-Werdkapp tas-Sawtafrika: l-ewwel Werdkapp li qed issir fil-kontinent Afrikan, b'rispett għall-politika tal-FIFA li l-ikbar kompetizzjoni tagħha ddur l-erbat irjieħ tad-dinja.

Prosit! Huwa anki rikonoxximent għall-progress kbir li wettqet l-Afrika fil-futbol, tant li bla dubju saru t-tielet forza fid-dinja fejn jidħol futbol. Bosta pajjiżi Afrikani huma ffissati fil-futbol. Hemm tant plejers Afrikani ta' livell mondjali li jilagħbu mal-aqwa klabbs fid-dinja, u ngħid ma tkunx sorpriża kbira kieku xi darba mhux fil-bogħod ikun pajjiż Afrikan stess li jispiċċa jsir iċ-Ċampjin tad-dinja.

Imma x'impressjoni qed jagħtu lid-dinja? X'idea qed jieħdu dawk il-miljuni u miljuni kollha ffissati fil-futbol, u li għalihom dan hu bla dubju l-aktar avveniment importanti, mhux sportiv biss, li jseħħ fid-dinja? L-Afrika qed torganizza l-Werdkapp, għajnejn id-dinja qiegħda fuqhom, imma tista' tgħid l-unika ħaġa li laqtitna mill-avveniment s'issa kienet... il-vuvużela!

X'ħasra. Fejn hi l-allegrija tradizzjonali Afrikana, fejn huma n-nies libsin ikkulurit jiżfnu u jdoqqu t-tnabar? Xejn. Minflok għandna żanżin monotonu kontinwu li joħnoq għal kollox kull emozzjoni mil-logħbiet. U jgħidulna dik il-Werdkapp tagħhom, ma niddettawlhomx kif għandha ssir, tradizzjoni, blablabla... Ħalluna tridu? Il-Werdkapp hi ta' kulħadd, tal-pajjiżi kollha fid-dinja, u mhux tas-Sawtafrika. Lis-Sawtafrika tawhom id-dritt biex jorganizzaw il-logħob, mhux biex iħassruh!

Tradizzjoni hux? Iddaħħaqnix trid! Kull użanza bla sens jew ħażina fid-dinja jiġġustifikawha bl-iskuża universali ta' "tradizzjoni". Il-vuvużela mhix tradizzjoni, imma hija sempliċiment l-agħar reklam immaġinabbli għall-futbol Afrikan.

Saturday, June 12, 2010

Bejn Werd Kapp u eżamijiet tal-Olandiż...

Dal-wikend għandna l-elezzjoni hawn fil-Belġjum. Ħafna issa qed jitkellmu fil-miftuħ fuq il-possibbiltà li l-pajjiż jinqasam, imma ma naħsibx li jiġri hekk. Il-pajjiż tista' fil-fatt issejjaħlu pajjiż għax għandu:

1. Isem
2. Re
3. Belt kapitali li ż-żewġ naħat iriduha għalihom, għax hemm il-pappa pprovduta mill-Unjoni Ewropea

Il-bqija anki l-partiti politiċi mifrudin f'żewġ settijiet. M'hemmx partit wieħed li hu wieħed pan-Belġjan. U ma nafx eżatt x'mingħalihom se jsolvu billi għamlu elezzjoni, għax il-problemi eżatt l-istess se jibqgħu u n-numru ta' Fjammingi u ta' Frankofoni mhux se jinbidel. Nistennew, u naraw ikomplux ikarkru bħala pajjiż wieħed kif ilhom għal snin sħaħ.

Sadattant jien għadni ma nistax niġri, u issa bdejt niddejjaq nistenna sakemm jgħaddili. Ħeqq, paċenzja. Kważi sena sħiħa ġiri moħlija se tkun.

U sadattant ukoll issa ġiet il-Werd Kapp, li diġà toħodli l-biċċa l-kbira tal-ħin liberu. Żid ix-xogħol, ix-xogħol tad-dar, u kemm jifdal ħin? Forsi biżżejjed biex nistudja għall-eżamijiet tal-Olandiż li se jkolli fi ftit ġranet oħra. Għax biex ġejt ngħix hawn, mhux lingwa waħda ġdida qed ikolli nitgħallem imma tnejn.

Jiġifieri mħabba nuqqas ta' ħin il-Gallarija jkollha titbexxaq naqra għalissa, għeżież żewġ qarrejja. Se nħalli ritratt sabiħ iżejjen il-faċċata u nibda nistudja. Aktar tard, nispera qabel l-aħħar ta' Ġunju, nerġa' niġi nkompli nħarbex. Nispera ma timmissjawnix iżżejjed...! Ok? Moħħkom hemm. (Ġastinkejs - innota l-bandiera mgħollija bil-kitba fuqha: "Ironija")

P.S. Ir-ritratt kien meħud f'ġurnata sħuna immens waqt mixja f'bosk ġewwa Spa, is-sajf tas-sena l-oħra.

P.P.S. Jekk vera ma tgħaddix mingħajr il-bloggati tiegħi, għażiż qarrej, tista' tqalleb fil-kitbiet l-antiki (il-links fuq ix-xellug). Hawn massa kitba mhux ħażin, u jkolli nammetti li dejjem insibha interessanti nerġa' naqrahom. Mhux biex niftaħar ta, imma sempliċiment biex niftaħar naqra :-)

Wednesday, June 9, 2010

You don't have to be a religious fanatic to be a Labour MP...

... but it helps! According to the Times of Malta, "Labour MP Adrian Vassallo would rather live in Iran and riot in the streets to defend his religion than live in a country where pornography is available in hotel rooms."

I wonder. Does he belong to the moderate or to the progressive faction of the Malta Labour Party?

Monday, June 7, 2010

Ridikoli!

Ara kif jgħawġuha aħbar it-Times of Malta dot com. Waqgħu għal-livell tas-Super Wann.

"Labour MP 'acknowledges' corruption under pre-1987 Labour governments"

Hekk ħarġu jgħajtu b'titlu prominenti dalgħodu. Qisha l-ammissjoni ġrat ilbieraħ. Dħalt naqra, u skoprejt il-qerq sfaċċat ta' dat-titlu li għoġobhom jużaw. Fil-fatt l-aħbar hi li l-PN irrisponda għall-allegazzjonijiet fuq korruzzjoni li għamel ilbieraħ il-kap tal-lejber Joseph Muscat, u mhux dak li hemm fit-titlu. L-"aħbar" li l-MP laburist Chris Cardona ammetta (fl-aħħar, inżid ngħid) li taħt il-gvern ta' Mintoff/KMB kien hemm il-korruzzjoni kienet ġrat ix-xahar li għadda!

Imma l-qarrejja li jaraw biss it-titlu għax ikollhom affarijiet aktar importanti x'jagħmlu (mhux bħali) kull ma jibqa' f'moħħhom hi l-mea culpa tal-lejber, u assolutament xejn dwar l-allegata korruzzjoni li hemm bħalissa.

L-oħra s-sabiħa hi li l-PN iridu li Joseph Muscat, il-kap tal-Oppożizzjoni, jinvestiga lill-eks ministri laburisti sħabu għal korruzzjoni. Sinjuri tal-PN, safejn naf jien intom qegħdin fil-gvern, u għandkom il-mezzi u l-opportunità kollha kieku tridu li tibdewha intom din l-investigazzjoni.

Ridikoli! Lil John Bundy ma tantx għandi grazzja miegħu, xejn personali, kwistjoni biss ta' gosti, imma tal-kanzunetta li ħareġ ħaqqu jagħmlulu monument.

Saturday, June 5, 2010

Now who could ever have thought otherwise

"PL not holding personal data - Commissioner" (Times of Malta, 5 June '10)

No, of course not. Definitely not. Quite sure they're not. And neither are the PN. No doubt whatsoever. Why would they? Surely no one's so gullible as to believe they're holding personal data...!

Wednesday, June 2, 2010

"As Europe freezes..."


Ma' Xrobb l-Għaġin qbadt. Qed inqalleb ftit ir-ritratti biex intella' xi wieħed minnhom hawn, u rajt dan, il-"qoxra" tal-album fil-Picasa li semmejt As Europe Freezes.... Kienet ix-xitwa meta ħadtu dan, kif anki jindika l-isem tal-album. F'Malta kien żmien il-Milied, imma kien qisu r-rebbiegħa. Insomma, malli rajt dar-ritratt għidt, ma jistax ikun ma nżejjinx il-blogg bih, u hawn hu infatti!