Apparti l-vuvużeli. X'ingħidu għall-futbol li rajna s'issa? Tal-għaġeb hu? Vera, aqta' barra lill-Arġentina kollha għaxxquna bil-logħob.
L-Arġentina... kont għidt qabel bdiet il-Werldkapp li jekk imorru tajjeb tkun il-prova li mhux importanti min ikun kowċ jekk il-plejers ikunu tajbin. Fis-sens li "anki" b'Maradona, li bħala kowċ ma jiswa xejn, ikunu marru tajjeb.
Imma jkolli ngħid li għalaqli ħalqi. Bit-tħarbit u l-gwaj li għadda minnu, l-eżempju mill-agħar tal-istil ta' ħajja li kien qed jgħix, ma stajtx nifhem kif fdawh bit-tmexxija tat-tim nazzjonali. U sakemm ikkwalifikaw bil-ħniena bqajna ma nistgħux nifhmu. Issa bdew jilagħbu, u stajna naraw li Maradona rnexxielu jdaħħal fit-tim spirtu eċċezzjonali - konvinzjoni, grinta, entużjażmu. Tarahom fir-reazzjonijiet kull meta jiskurjaw, kollha ġirja waħda għal ħdejn il-bank tas-sostituti, kollha jifirħu flimkien. Rari naraw daqshekk tim spirit fil-futbol. Ovvjament, il-fatt li għandu sett ta' plejers mill-aqwa dejjem jgħin...
It-tim spirit. Ħmmm, pereżempju... Franza? X'effett jagħmel eh t-tim spirit? U x'ingħidu għal Raymond Domenech, mela? Kellu jispiċċa l-karriera tiegħu mat-tim ta' Franza bl-istess mod bħal Franċiż ieħor ċelebri - Zinedine Zidane - bi brutta figura. L-aħħar ħaġa li rajna 'l Zidane jagħmel bħala plejer tal-futbol kienet li joħroġ 'il barra mkeċċi wara d-daqqa tar-ras stil tat-toru fuq sider Materazzi. L-aħħar ħaġa li rajna lil Domenech jagħmel bħala kowċ ta' Franza kienet li rrifjuta jieħu b'idejn il-kowċ tas-Sawtafrika. Sportività eżemplari. Tgħid kien qara fl-oroskopu li ma jaqbillux jieħu b'idejn nies dakinhar, għax iġġiblu l-bedlakk?
Franza għamlu fjask. U dan iġibna mill-ewwel għall-Italja. Fjask kbir, dovut għal raġuni sempliċi ħafna. M'għandhomx biex jilagħbu. It-timijiet Taljani mimlijin plejers barranin, u l-plejers żgħażagħ promettenti jħalluhom jistaġnaw u jrabbu l-għanqbut fuq il-bank tas-sostituti. Dik kollha. Anki l-gowlkipers issa l-biċċa l-kbira barranin. Weġġa' Buffon u qishom kienu qed jilagħbu bla gowler.
Qbadtha fuq il-kowċis illum. Lil Lippi ma tantx għandi grazzja miegħu - narah arroganti wisq. Imma ammirajtu ħafna fil-konferenza stampa li ta wara li ġew eliminati. Emozjonat għall-aħħar, ma qgħadx ifittex l-iskużi, la għax tħassrilhom gowl għalxejn u lanqas għax kellhom l-aktar żewġ plejers importanti - Pirlo u Buffon - it-tnejn imweġġgħa. Bla ebda tlaqliq qal li kien it-tort tiegħu u ta' ħadd iżjed, għax ma rnexxilux joħroġ l-aħjar kwalitajiet mit-tim. Probabbilment, kellu f'moħħu wkoll allura li meta rebħuha erba' snin ilu l-mertu kien tiegħu... Imma jibqa' l-fatt li, għall-kuntrarju tal-kollega arċirivali tiegħu Domenech, Lippi ħareġ mix-xena b'mod dinjituż.
Forsi sinifikattiv il-fatt li waqt li l-Franċiżi u t-Taljani, iż-żewġ finalisti tal-2006, diġà marru lura d-dar, bħalissa qed tintlagħab il-logħba tat-tieni rawnd bejn l-Urugwaj u l-Korea t'Isfel. U għad jonqoshom jilagħbu, fit-tieni rawnd, il-USA, il-Gana, il-Ġapan u s-Slovakkja. Mhix kumbinazzjoni li f'dawn il-pajjiżi ma tantx jilagħbu plejers barranin. Issa naraw kif se tmur l-Ingilterra, fejn ukoll trid tfittex b'nemes biex issib plejer Ingliż jilgħab fil-kampjonat tagħhom.
L-aħħar rimarka fuq il-kowċis. Il-kowċ tal-Ġapan, karattru interessanti li qed jagħmel suċċess ħafna iktar milli kien mistenni bit-tim tiegħu, qal li wara l-Werldkapp se jirtira u jsir bidwi. Nawguralu sinċerament, l-ewwel nett li jirbaħ il-Werldkapp, u t-tieni li jagħmel suċċess mill-karriera l-ġdida li bi ħsiebu jaqbad.
No comments:
Post a Comment