Naħseb l-espressjoni "ċ bit-tikka" hu l-uniku ġid li qatt ħareġ minn dik l-imbierka tikka li l-professuri tal-Malti kienu insistew, u donnhom għadhom qed jinsistu, li għandna npoġġu fuq is-c.
Żomm. Is-c? Jew iċ-c?
U hemm titfaċċa l-problema, u r-raġuni għala naħseb li jmissna nneħħu t-tikka darba għal dejjem minn fuq iċ-ċ. Billi l-ittra c ma teżistix fil-Malti, lanqas għandna mezz kif ngħiduha bil-Malti, u jinqalgħu ħafna u ħafna każi fejn niġu bżonn naqrawha, prattikament kull fejn ikun hemm sensiela ta' oġġetti li jingħarfu minn xulxin b'ittra differenti. Il-Maltin insolvuha billi naqrawha bl-Ingliż. Appuntu. M'għandhiex isem bil-Malti għaliha. U lanqas ma jkun korrett li taqraha "ċe", għax bla tikka ma hix "ċe".
Eliminajna mill-alfabett tagħna waħda mill-aktar ittri komuni fil-lingwi tista' tgħid kollha tad-dinja li huma bbażati fuq l-alfabett Latin. U għalxejn jaħasra! "Għax hemm storja warajha." Allura? Is-soltu tagħna l-Maltin. Ħloqna rota kwadra.
B'dir-rota kwadra, allura, "ċentimetru" fil-qosor jiktbuha "ċm" - li xjentifikament hija sagrileġġ! L-istandard internazzjonali tal-qisien jispeċifika ċar li l-indikatur ta' wieħed minn kull mija huwa "c", bħalma 1 minn kull elf huwa "m", wieħed minn kull miljun huwa "μ", miljun huwa "M" (mega-), eċċetra. Dawn l-istandards josservahom kulħadd l-istess, u ma jistax ikun mod ieħor ladarba l-istess xjenza hi pprattikata fuq skala globali. U allura ħadd ma joqgħod jilgħab bit-tikek "għal raġunijiet storiċi" - ċentimetru tinkiteb cm, bil-lingwi kollha. Full stop. Imma mur spjegaha din lill-iskoss professuri li għandna. Kull fejn tħares "ċm", left right and centre. Meta mhux ukoll jagħmlulek °Ċ għal Celsius, għax mingħalihom li tfisser ċentigradi...
Le, le, il-premju Nobel fil-fiżika għad nieħdu xi darba.
No comments:
Post a Comment