Ħallejt jumejn bil-midalja tal-maratona żżejjen il-parti ta' fuq tal-blogg - issa wasal il-mument li ngħaddi għall-kumment li jmiss u allura nressaq ir-ritratt tal-midalja waħda 'l isfel.
Iddeċidejt li ma tagħmilx sens li mmantni tliet bloggs. Tan-naħa l-oħra se jibqa' hemm arkivju, mimli materjal li dehrli li kien interessanti meta ktibtu, u li dejjem insibu interessanti meta mmur inqalleb ftit fih. Imma mil-lum 'il quddiem se ngħaqqad kollox hawn: atletika, politika, sports, ritratti, kummenti fuq aħbarijiet u ħsibijiet oħra ġeneralment strambi li jgħadduli minn moħħi. Il-problema tal-lingwa solvejtha. Nippreferi nikteb bil-Malti, u allura bil-Malti se nikteb. Jekk ikolli xi ispirazzjoni bl-Ingliż, l-Ingliż jifhmuh ħafna nies, u nwaddabha bl-Ingliż.
Semmejt tliet bloggs - it-tielet wieħed se jibqa' l-uniku wieħed tematiku, u hu għal qalbi ferm - dwar foresta ċkejkna fiċ-ċentru tal-univers li jisimgħa Lilliput. Naħseb Marisa Micallef kienet tkun kburija kieku ħolqot id-dinja tal-goblins li ġbart hemmhekk... Imma l-materjal għal hemm hu rari, u trid vera taħkimni l-ispirazzjoni biex nirrakkonta xi ġrajja li sseħħ f'Lilliput.
Dik hi mela, l-aħwa. Mil-lum 'il quddiem il-blogg tiegħi hu dan biss. Nispera li jogħġobkom. Sorry - nispera li jogħġbok (lill-uniku qarrej tal-blogg). Anzi, naħseb inkun aktar korrett jekk ngħid - nispera li jogħġobni!
No comments:
Post a Comment