Bħal-lum eżatt ħames snin ilu, fil-15 ta' Novembru 2004, tlaqt minn Malta u ġejt ngħix hawnhekk fil-Belġjum.
Kienu ġranet diffiċli ħafna għall-ewwel, maqtugħ mill-familja, ġo flett b'tieqa waħda żgħira fil-kċina, bla friġġ u bit-tojlit maġenb l-uffiċċju ta' sid il-kera. Minflok il-friġġ kont ninqeda billi npoġġi l-ikel issiġillat f'borża fuq il-bejt, għax it-temperatura barra kienet tvarja bejn 2 u 8 gradi, eżatt daqs ta' friġġ. Kelli nniżżel saqqu fil-kamra ta' ġewwa, biex ma nismax il-ħoss tal-awtostrada billejl. Anzi sid il-kera kien qalbu tajba - irranġali għal television, għall-internet u telefown qabel ma mort, u l-internet kien l-uniku kuntatt tiegħi mal-bqija tad-dinja.
Kelli pjan li kull ġimagħtejn nieħu ġurnata leave biex immur weekend Malta mal-familja. Imma b'xokk kbir skoprejt li ma stajtx nagħmilha minħabba x-xogħol, u kont se niġġennen. Kont f'ħakka t'għajn spiċċajt waħdi ġo gorboġ f'pajjiż mudlam u kiesaħ, miljun mil 'il bogħod minn Sue u Roberta. Meta ndunajt li lanqas biss ma stajt kultant immur narahom ħadtha bi kbira wisq... Kemm bkejt bil-qalb!
Iddeċidejt li did-darba, wara li minn Tripli l-Libja ħames snin qabel kont qtajt qalbi u dabbart lura lejn Malta bil-ġirja, did-darba ddeċidejt li ma naqtax qalbi, inxammar kmiemi u nara x'hemm bżonn isir biex nirnexxi. Fittixt u sibt flett sura ta' nies, f'post sabiħ mhux wisq bogħod mix-xogħol. Sue u Roberta ġew long weekend huma minflok mort jien, u kienet l-aħjar ħaġa li qatt setgħu għamluli. Għenuni nġorr għall-post il-ġdid, nixtri l-għamara u skoss affarijiet oħra tad-dar f'affari ta' ħamest ijiem.
U minn hemm qbadna it-triq għal fejn qegħdin issa. L-istop leave waqaf ħesrem, u stajt nibda mmur Malta nara l-familja. Ix-xogħol kien sejjer tajjeb, ħarir. Kienet l-aħjar mossa li stajt nagħmel għall-karriera. S'issa kelli diżappunt kbir wieħed, imma l-bqija tista' tgħid sodisfazzjonijiet biss. Ftit ftit erġajt bdejt nittrenja, niskopri postijiet sbieħ fil-pajjiż fejn ġejt ngħix. Il-lingwa... erħilha l-lingwa.
Hawnhekk il-ħajja differenti ħafna, imma naqra naqra tadatta ruħek. Tiskopri u tidra d-difetti tal-post, imma wkoll l-affarijiet li qegħdin aħjar minn Malta.
Ħames snin huma żmien twil fil-ħajja ta' bniedem. Minn dakinhar 'l hawn ġraw tant affarijiet. Twieled Gianluca. Sue u t-tfal ġew miegħi hawnhekk. Krejna villa sabiħa għall-kwiet f'Hoeilaart. U sadattant ġejjin u sejrin Malta, minn tlieta sa erba' darbiet kull sena. Il-kuntatt baqa' tant li qisna kull ma għamilna morna ngħixu Għawdex.
Kienu ħames snin tajbin. Erba' maratoni oħra mas-seba' li kont ġemmajt lanqas ma tarmihom...!
No comments:
Post a Comment