Iż-żewġ qarrejja ta' dal-blogg jindunaw meta jkolli ħafna affarijiet x'nagħmel, għax l-ewwel li jaqgħu lura huma l-kitbiet tiegħi hawnhekk.
Sadattant, imma, kienu qed jiġru skoss affarijiet li normalment kieku nikteb fuqhom.
L-aktar li kien hemm storbju dal-aħħar f'Malta kien għax il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem aċċettat it-talba ta' Taljana ta' oriġini Finlandiża, fejn qalet li l-preżenza tal-kurċifissi fl-iskejjel tal-istat tmur kontra l-libertà tat-twemmin ta' wliedha. Din f'Malta mill-ewwel dawruha li l-Misilmin jridu jneħħulna r-reliġjon Nisranija, u malajr rajna jfaqqsu gruppi u movimenti mimlija b'minn kollox ħlief b'sentimenti Nsara. Issa sadattant dal-povri Misilmin ma kellhom x'jaqsmu xejn ma' dil-biċċa. Ħareġ ċar li fost ħafna nies f'Malta r-reliġjon Nisranija hija biss simbolu, appuntu l-kurċifiss, li nilbsuh qisu badge u jidentifikana mill-għadu Mislem...
Imbagħad, f'dawn l-aħħar ftit ġranet, seħħew żewġ avvenimenti rimarkevoli fi spazju ta' 24 siegħa.
L-ewwel wieħed kien il-famuż handsball ta' Thierry Henry, li permezz tiegħu Franza rnexxielhom jikkwalifikaw b'mod għal kollox irregolari għall-World Cup tas-sajf li ġej. Iddispjaċieni għax ridt lil Franza jinqalgħu, u ddispjaċieni wkoll għall-Irlandiżi, għax veru taw qalbhom f'dil-logħba. Il-veru tellief f'dil-biċċa kien l-isport tal-football. Kemm ħa jdumu l-FIFA ma jindunaw li r-referees għandhom bżonn l-għajnuna tar-replay biex jifhmu x'ġara? Kemm ħa ndumu nissaportu deċiżjonijiet żbaljati li jipprovdu riżultati foloz, grazzi għall-ebbusija tar-ras ta' Sepp Blatter u n-nies li għandu madwaru? X'fiha daqshekk ħażin it-teknoloġija? Jewwilla l-Eċċellenza Tiegħu Blatter bil-ħmara jmur jarahom il-logħbiet, biex ma jużax it-teknoloġija? L-Irlandiżi żgur tqażżu b'li ġara, imma kieku jien Franċiż żgur ma kontx inkun kuntent b'dil-kwalifikazzjoni falza.
Ftit sigħat wara dil-partita farsa, il-mexxejja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea ltaqgħu wara bibien magħluqa biex b'mod mill-aktar trasparenti u demokratiku għażlu min se jkun il-President li se jirrappreżenta lill-Ewropa fuq ix-xena internazzjonali. U l-għażla waqgħat fuq... Herman Van Rompuy! U l-folla dlonk għajtet għalenija: "MIN?" Ħeqq, tgħid ma kinux se jaċċettaw li jisirqilhom ix-xena xi ħadd ta' statura u fama? U allura poġġew lil dan li aktar qisu bejjiegħ tal-ħaxix milli statista mondjali. U b'hekk reġgħu tefgħu lill-Belġjani fi kriżi, għax wara li tant kienu ilhom ifittxu lil xi ħadd biex imexxilhom il-gvern ta' dal-ispeċi ta' pajjiż li għandhom reġgħu sabu ruħhom bla Prim Ministru.
Waqt il-konklavi għażlu wkoll il-Ministru tal-Affarijiet Barranin tal-Ewropa (b'xi titlu stramb li ħadd ma jaf x'inhu, biex l-Ingliżi ma jiħdux għalihom), u biex żgur lill-Ingliżi jżommuhom ferħanin għażlu mara Ingliża, il-Barunessa Something li wkoll ħadd qatt ma sema' biha.
U b'hekk ukoll żammew kuntenti lil min xtaq li jkun hemm mara tirrappreżentana fir-relazzjonijiet barranin. Ma jimpurtax min, basta mara. Viva l-Ewropa, il-kontinent mibni fuq il-kompromessi. Ħeqq, aħjar hekk, ngħiduha, milli nerġgħu lura għall-gwerer dinjija.
No comments:
Post a Comment