F'Malta kien hemm min gerger il-Ħadd li għadda, għax il-mimmi ta' għajnejhom il-karozza ma setgħux isuquha fejn iridu.
Issa dawn kienu jafu li ħafna mit-toroq prinċipali kienu se jkunu magħluqa biex eluf ta' Maltin ikunu jistgħu jiġru mal-President minn San Anton sal-Belt. Ilna ġimgħat sħaħ nisimgħu fuq dil-ġirja li qed tiġi organizzata. X'għamlu? Ħallew il-karozza d-dar u marru jiġru huma wkoll? Użaw tal-linja? Le, ma tarax! Ħarġu bil-karozza xorta. Imbagħad gergru għax sabu t-traffiku ġġamjat!
Iva m'għandhomx ħila, għal nofs ta' nhar wieħed biss, jgħaddu mingħajr il-karozza? Għax ma qalgħux dak il-warrani l'għandhom minn fuq is-seat u qamu jiċċaqalqu naqra? Imorru xi passiġġata fil-kampanja jew ħdejn il-baħar. Kull sekonda rridu bilfors insuqu mamma mia...
New York hi belt importanti? Jew Londra? Naħseb hu? Safrattant f'dawn il-bliet u f'bosta oħrajn madwar id-dinja t-toroq jingħalqu għal kollox għat-traffiku darba kull sena, għal ġurnata sħiħa, meta ssir il-maratona. Ħadd ma jgerger, anzi eluf oħra joħorġu fuq il-bankini jċapċpu lill-atleti waqt li qed jiġru.
Jalla fl-edizzjoni tas-sena d-dieħla l-eluf jiżdiedu. Min jaf, forsi jingħaqdu fil-festa dawk li l-bieraħ weħlu bil-karozza. Merħba bihom fil-każ. Niġbru aktar għall-karità, u l-festa tkun akbar!
No comments:
Post a Comment