Ilbieraħ reġa' waqa' l-gvern tal-Belġjum. L-estremisti Fjammingi, li jridu l-Flanders jinfired mill-Belġjum u jsir pajjiż indipendenti, fil-parlament kantaw l-innu tagħhom il-Vlaams Leeuw (l-iljun Fjamming), waħedhom fil-kamra tal-parlament federali Belġjan. Kienet l-ikbar sfida s'issa għall-istat Belġjan. Ħadd ma waqqafhom, u xxandret diretta fuq it-television. Tant ilhom jitqanżħu biex ikollhom gvern li jirrappreżenta l-pajjiż kollu, u tant ilhom dawn il-gvernijiet ta' ftit xhur ħajja jfallu, li ħabtu bdew jaqtgħu qalbhom. Issa aktar minn qatt qabel qed jistaqsu fil-miftuħ - imma worth it dal-inkwiet u t-taħbit kollu? X'inhu l-iskop? Teżisti xi identità Belġjana wara kollox?
Donnu l-ħsieb li qed jikber fil-pajjiż hu li: la jridu jagħmlu pajjiż għal rashom, jagħmluh u naqtgħuha darba għal dejjem. Igawduh il-Flanders tagħhom.
U waqt li l-pajjiż jinsab fix-xifer ta' kollass, fil-periklu li ma jibqax jeżisti... il-ġirien tagħna hawnhekk f'Hoeilaart qed jagħmlu barbikju f'lejla ta' temp mill-isbaħ, jixorbu l-inbid u jiċċaċċraw. X'jiġu jaqgħu u jqumu mill-Belġjum u r-Re Albertu u l-Prim Ministru u l-Vlaams Belang.
Dak hu l-kobor ta' dal-pajjiż u n-nies tiegħu. Jekk irid il-pajjiż jista' jisfaxxa. Il-ħaxix tal-ġnien ittrimjat, is-sema ċar, it-temp sabiħ, u l-inbid nieżel għasel. Dik l-importanti!
No comments:
Post a Comment