Il-pulċinelli ddeċidew iwaqqfu bord ta' inkjesta biex jinvestiga l-materjali li qed jagħmlu l-bombi tal-festi bihom.
Isma' din, mela. Għandna suspett li l-materjali li jagħmlu l-bombi tal-festi bihom huma difettużi. Qed isiru splużjonijiet kbar fil-kmamar tan-nar, regolarment kull ftit ġimgħat. Kull darba qed imutu n-nies: ilbieraħ mietu erba' jew ħamsa, u tnejn oħra maħruqa ġisimhom kollu jilagħbuha mal-mewt. Familji sħaħ devastati. Ir-raħal tal-Għarb b'ħafna mid-djar ġratilhom ħsara strutturali. Il-gżejjer Maltin ġew f'sitwazzjoni li tixbah stat ta' gwerra, jew taħt theddida terroristika, ma tafx fejn imiss tfaqqa' splużjoni ġo nofs il-kampanja. Għandna suspett li l-kmamar tan-nar li għadhom ma splodewx jistgħu jisplodu huma wkoll, għax il-materjali li jagħmlu l-bombi bihom difettużi.
U x'inhi t-tweġiba tal-mexxejja għorrief li għandna? Waqqfu l-produzzjoni tal-logħob tan-nar sakemm tiġi stabbilita l-kawża tad-devastazzjoni? Jingħalqu l-kmamar tan-nar, għax perikolużi wisq, sakemm jitneħħa l-materjal kollu difettuż?
Le, ma tarax! Trid jissugraw jiksruha mad-dilettanti tal-kamikaże tradizzjonali? Ma tafx li dawn NIES BLA SINSLA?
Iparlaw fil-vojt fuq il-valuri. Jidhirli l-ħajja valur importanti. Jidhirli s-sens ta' sigurtà għal min għaddej jgħix ħajtu għall-affari tiegħu valur importanti. Jidhirli li l-fatt li t-tfal ma jisfgħux iltiema minn missierhom hu valur importanti. Imma għal dawn in-NIES BLA SINSLA, l-uniku valur huwa l-vot.
Sinjuri NIES BLA SINSLA. Għandkom il-voti tal-fanatiċi tal-bombi assigurati, dejjem jekk jinzertaw jagħmlu parti mill-istess tribù tagħkom. Imma l-vot tiegħi tliftuh.
No comments:
Post a Comment