Sunday, May 16, 2010

Praga (3)

Fl-aħħar irnexxieli nissortja l-pataflun ritratti li ħadt fi Praga, u nippubblikahom fil-Picasa. Dan fuq ix-xellug jinkludi ż-żewġ veduti probabbli l-aktar magħrufa ta' dil-belt - il-kastell u ċ-Charles Bridge.

Sabiħa Praga, għalkemm kemmxejn 'turistika' żżejjed. Kull fejn tħares pjazez, monumenti, knejjes, palazzi, torrijiet, briġġijiet (minn ċerti bnadi tista' tilmaħ xi ħamsa jaqsmu x-xmara Vltava). Tant hemm x'tara li ma jaqbillekx tipprova tara kollox għax litteralment hemm wisq. Lanqas ma ppruvajt nifhem liema imperi, prinċpijiet u rejiet kienu hemm matul is-snin. Rimarka waħda ftakart li qalulna fuq il-ġita ta' Martin's Tour, li l-president Ċek hu l-uniku kap ta' stat Ewropew li jokkupa l-istess bini li kien jintuża elf sena ilu - il-palazz li qiegħed fil-kastell li jiddomina l-belt ta' Praga. Aktar milli kastell, din nistħajjilha ċittadella fuq skala kbira, b'katidral, basilika, il-palazz, ġonna - anki hawn ukoll tispiċċa titfixkel fil-ġid.

Nieżel 'l isfel mill-kastell tista' tgħaddi mill-vinja ta' Wenċeslas u tara panorama taħtek tax-xmara sserrep madwar il-parti l-antika tal-belt fuq naħa waħda, u l-parti hekk imsejħa ż-żgħira fuq in-naħa tal-lemin.

Fuq wara tal-parti ż-żgħira hemm park fuq għolja li hu moqdi minn tramm/funikular. Dan hu l-Petrin Park, ġnien sabiħ u kwiet mnejn tista' tara aktar veduti spettakolari. Hemm torri qisu verżjoni żgħira tat-Torri Eiffel, u minn fuqu ġġib anki l-kastell ta' Praga taħtek. Gianluca infatti rrimarka meta tlajna fuq li konna qegħdin 'ogħla minn kullimkien'. Fl-istess park hemm ukoll kappella, osservatorju astronomiku, u labirint tal-mirja, minbarra l-ġnien innifsu.

Sabiħa Praga, nerġa' ngħid. Ma niddejjaq xejn kieku kelli nerġa' mmur...

Friday, May 14, 2010

Praga (2)

Konna drajniha r-rutina fi Praga. Biex nibdew ikla zalzett, bejken u bajd fost ħafna affarijiet oħra, niġbru xi affarijiet, mapep, liflits, ġakketta kontra x-xita, kamera u ktieb, u noħorġu 'l barra.

Dawra ma' kantuniera waħda, u f'affari ta' ħames minuti nsibu ruħna ħdejn il-metro. Nixtru biljett kull wieħed - li b'4 ewri jtik id-dritt tirkeb għal ġurnata sħiħa, kemm trid u fejn trid fuq in-netwerk eċċellenti ta' trasport pubbliku li jkopri tista' tgħid il-belt kollha - u ninżlu bl-eskalejter biex nirkbu l-metro li jmiss lejn iċ-ċentru.

Aktar mill-veduti, il-bini monumentali, il-knejjes, u l-atmosfera tal-post, kien l-effiċjenza tat-trasport pubbliku l-aktar li impressjonani hawnhekk. Kull m'għandek bżonn ikollok hija mappa bil-linji differenti tal-metro (tlieta - il-linja ħamra, is-safra u l-ħadra), tat-tramms u tal-karozzi tal-linja. Lanqas hemm bżonn tkun taf il-ħinijiet daqs kemm huma spissi. Anki wara nofsillejl jipprovdu servizz kull nofs siegħa. Tista' tixtri biljett għal vjaġġ wieħed (inqas minn ewru), jew diversi possibbiltajiet għal żminijiet itwal. Karozza kull m'għandek bżonnha biex tagħmel ix-xirja. Mhux li kienu l-awtoritajiet Maltin jistudjaw u jikkupjaw is-sistema li hemm fi Praga, bil-metro b'kollox...

Bis-serjetà, kien għalija parti mill-gost kemm domt hemm li nuża n-netwerk tat-trasport li għandhom biex immur minn banda għall-oħra. Parti mill-attrazzjoni għalina kienet logħba li ħloqna għal waqt li nkunu telgħin jew neżlin bl-eskalejter. Dawn it-turġien huma ġeneralment twal sew, m'għola xi 4 sulari jew aktar, u jekk tiċċassa fiss fid-direzzjoni tal-mixi faċli timmaġina li fil-fatt miexi orizzontalment minflok tiela' jew nieżel. Fuq l-eskalejter tal-maġenb sadattant ikun hemm nies oħra mexjin fid-direzzjoni l-opposta, imma dawn tisħajjilhom qishom mgħawġin lura, jew 'il quddiem, f'anglu impossibbli. Nogħxew konna bid-daħq!

Fir-ritratt ta' fuq tidher waħda mill-ewwel xeni li rajna malli xrifna fiċ-ċentru ta' Praga, mill-ewwel fil-pjazza ta' Wenceslas, għaċ-Ċeki wieħed mill-bnadi fejn seħħew fost l-aktar avvenimenti storiċi, speċjalment dawk reċenti. Dan hu rappreżentazzjoni, f'nofs il-pjazza, ta' xena fost l-aktar komuni li tara fi Praga - it-tramm. Jista' anki kien tramm ta' veru xi darba, li issa dawruh f'kafetterija. Ir-ritratt tax-xellug ħadtu minn fuq il-Henry's Bell Tower. Dehrli li jkun xieraq nistenna sakemm jitfaċċa tramm qabel niġbdu. Ma tantx kelli bżonn nistenna!

Imma mnalla ma domniex aktar minn ftit ġranet, għax baraxx kolesterol kull filgħodu mhix idea daqshekk tajba...

Tuesday, May 11, 2010

Praga (1)

Aħna u nesploraw Praga u nammiraw il-bini monumentali li hawn f'dil-belt, f'daqqa waħda xegħlet f'moħħi realizzazzjoni li fil-fatt kienet ilha fis-subkonxju. Imma kellha tkun żjara f'waħda mill-kwantità kbira ta' knejjes sbieħ li hawn, fi Praga u f'tant postijiet oħra anki f'Malta, biex mis-subkonxju r-realizzazzjoni tgħaddi għall-konxju.

Li rrealizzajt huwa dan. Il-knisja parrokkjali f'Tal-Ibraġ hija probabbilment, anzi kważi fiċ-ċert, l-aktar knisja kerha li hawn fid-dinja.

Thursday, May 6, 2010

Il calcio italiano sul satellite: stendiamo un velo pietoso...

Ilbieraħ kien hemm il-final tal-Coppa Italia. Bħas-soltu f'dawn l-aħħar snin kienet bejn ir-Roma u l-Inter. Il-logħba ntlagħbet erbat ijiem biss wara li l-Inter prattikament rebħu l-Iscudetto, a spejjeż tar-Roma. Dan billi rebħu kontra l-Lazio, b'dawn tal-aħħar jitilfu apposta biex żgur l-Iscudetto jirbħuh l-Inter u mhux ir-Roma. Tista' timmaġina allura f'liema atmosfera ta' sportività ntlagħbet il-logħba tal-bieraħ. Eluf ta' aġenti ta' pulizija kontra l-irvellijiet, it-toroq kollha lejn l-Olimpico ta' Ruma magħluqa għat-traffiku, tiftix fl-inħawi ta' madwar l-Olimpico. Partijiet mill-istadium vojti biex it-tifosi jkunu l-bogħod minn xulxin. Atmosfera ta' gwerra.

Il calcio è un gioco, jgħidulek. Lo sport più bello del mondo. Il campionato più bello del mondo. Għas-superlattivi ħadd ma jgħaddihom kieku.

Il-final kienet mimlija daqqiet ta' sieq, provokazzjonijiet, kien hemm invażjoni tal-grawnd. Spettaklu tal-mistħija. Il-logħba ntweriet diretta fuq ir-Rai Uno, imma fl-Italja biss (u, ma nistax nifhem kif, f'Malta wkoll). Bis-satellita, bħal ma jiġri spiss meta juru xi logħba football, it-trasmissjoni kienet kriptata - skrin iswed.

Ma ttihomx tort. Spettaklu bħal dak ħasbuha tajjeb li jiċċensurawh. Bit-Taljan jgħidulu "stendiamo un velo pietoso".

Wednesday, May 5, 2010

The hardest part of a marathon

Marathon day is now just four days away. All that remains is a thirty minute easy run on Friday, just to keep the good old leg muscles going. Then I can look forward to the next run, which will be the big one on Sunday in Prague.

Except that this time the good old leg muscles have failed me. Since several weeks I have an injury in my left hamstring, and it seems it will last forever. It's so frustrating, more so now that the days are getting longer, the weather is ideal for running, the racing season is well under way, and all I can do is rest, wait until I'm completely recovered, try not to gain too much weight, and hope I don't lose all the fitness achieved through such careful build-up and so many long, long runs,.

All the while, the registration is still in place. We're going to Prague. I could theoretically take part in the marathon; in fact I'm still receiving emails on the event from the organisers. But I have hardly run at all since several weeks, and it still hurts whenever I do try to run. So there's no point in turning up at the start - it would be a painful experience, it would only make my injury worse, and this time, unlike October 2007 in Brussels, I'll never pull off a miracle and complete the distance. No. I'll stay at the hotel, eat breakfast and gain a bit more weight.

I've said it before, and I'll say it again: the hardest part of a marathon is getting to the starting line.

There's a silver lining. When I start all over again my motivation to do well will be double what it was in January.

Tuesday, May 4, 2010

Mamma mija!

Kont qed inqalleb fuq l-Internet u ttawwalt fil-Malta Today. Hemm ritratt ta' dak li jrid fi żmien tliet snin oħra jsir id-deputat Prim Ministru ta' Malta. Ngħidilkom, għeżież żewġ qarrejja, impressjonajt ruħi.

Ħsibtha anki li naqsam magħkom din l-impressjoni qawwija li ħalla fuqi r-ritratt. Imma mbagħad ħsibt, bejni u bejn ruħi... għadni wisq ferħan bid-dehra l-ġdida tal-blogg, u tkun ħasra jekk wara r-ritratt li tant għandi għal qalbi ta' taqbida ta' għeruq fix-Chateau de La Hulpe, li qed veru jsebbaħ il-blogg malli tidħol fih, ikolli npoġġi minfloku xi ħaġa li, bir-rispett kollu... ħmmm.

U ddeċidejt li aħjar nillimita ruħi għal-link.

Sunday, May 2, 2010

Il-Parc de La Hulpe

Hawnhekk il-Parc de La Hulpe, fl-aħħar parti tax-xitwa, meta kienet qed tbatti l-morsa ta' kesħa u borra li fix-xitwa li għaddiet damet ix-xhur. Meta l-pajjiż ikun miksi bil-borra nħobb immur niġri l-ġirja t-twila tiegħi tal-weekend hawnhekk. Ikun hemm pajsaġġ spettakolari, imma għad ma rnexxilix nieħu ritratt tal-post miksi bil-borra. Kont naf li qed idub kollox u mort nipprova niġbed xi ritratti qabel ma jkun tard wisq. Imma diġà kien tard wisq għax is-silġ kien dab ħafna minnu, u li sibt minfloku kien it-tajn. Issa jonqosni nistenna mill-inqas sena biex niġbed ritratt tal-Parc de La Hulpe taħt il-borra. U frankament, m'għandi l-ebda għaġla biex tasal ix-xitwa.

Minflok irnexxieli niġbed dan, wieħed mir-ritratti favoriti tiegħi. Minbarra taħt il-borra, għad irrid ninzerta wkoll il-ħarifa bil-kamera hawnhekk, speċjalment jekk tkun xi għodwa biċ-ċpar ħiereġ mill-ilma tal-għadajjar. Wisq sabiħ ikun.