Konna drajniha r-rutina fi Praga. Biex nibdew ikla zalzett, bejken u bajd fost ħafna affarijiet oħra, niġbru xi affarijiet, mapep, liflits, ġakketta kontra x-xita, kamera u ktieb, u noħorġu 'l barra.
Dawra ma' kantuniera waħda, u f'affari ta' ħames minuti nsibu ruħna ħdejn il-metro. Nixtru biljett kull wieħed - li b'4 ewri jtik id-dritt tirkeb għal ġurnata sħiħa, kemm trid u fejn trid fuq in-netwerk eċċellenti ta' trasport pubbliku li jkopri tista' tgħid il-belt kollha - u ninżlu bl-eskalejter biex nirkbu l-metro li jmiss lejn iċ-ċentru.
Aktar mill-veduti, il-bini monumentali, il-knejjes, u l-atmosfera tal-post, kien l-effiċjenza tat-trasport pubbliku l-aktar li impressjonani hawnhekk. Kull m'għandek bżonn ikollok hija mappa bil-linji differenti tal-metro (tlieta - il-linja ħamra, is-safra u l-ħadra), tat-tramms u tal-karozzi tal-linja. Lanqas hemm bżonn tkun taf il-ħinijiet daqs kemm huma spissi. Anki wara nofsillejl jipprovdu servizz kull nofs siegħa. Tista' tixtri biljett għal vjaġġ wieħed (inqas minn ewru), jew diversi possibbiltajiet għal żminijiet itwal. Karozza kull m'għandek bżonnha biex tagħmel ix-xirja. Mhux li kienu l-awtoritajiet Maltin jistudjaw u jikkupjaw is-sistema li hemm fi Praga, bil-metro b'kollox...
Bis-serjetà, kien għalija parti mill-gost kemm domt hemm li nuża n-netwerk tat-trasport li għandhom biex immur minn banda għall-oħra. Parti mill-attrazzjoni għalina kienet logħba li ħloqna għal waqt li nkunu telgħin jew neżlin bl-eskalejter. Dawn it-turġien huma ġeneralment twal sew, m'għola xi 4 sulari jew aktar, u jekk tiċċassa fiss fid-direzzjoni tal-mixi faċli timmaġina li fil-fatt miexi orizzontalment minflok tiela' jew nieżel. Fuq l-eskalejter tal-maġenb sadattant ikun hemm nies oħra mexjin fid-direzzjoni l-opposta, imma dawn tisħajjilhom qishom mgħawġin lura, jew 'il quddiem, f'anglu impossibbli. Nogħxew konna bid-daħq!
Imma mnalla ma domniex aktar minn ftit ġranet, għax baraxx kolesterol kull filgħodu mhix idea daqshekk tajba...
No comments:
Post a Comment