Xrobb l-Għaġin. Jogħġobni wisq dal-post. Għandi numru ta' ritratti ta' dan wieħed mill-aktar postijiet li nħobb f'Malta, u tkun ħasra kieku ma nżejjinx il-blogg bihom.
Hawnhekk ftit aktar 'l isfel. Il-blat tal-irdum f'dawn l-inħawi magħmul minn ġebla tal-franka bajdanija, u wkoll ratba tant li meta jkun imqalleb il-baħar jiġi kollu abjad. Imma ma kienx il-każ meta ġbidt dar-ritratt!
Tinżel minn taraġ dejjaq, u tasal fuq il-blat ħdejn il-baħar. Allaħares kellu jsir popolari hawnhekk, għax ftit li xejn m'hemm post lixx fejn tpoġġi. Fortunatament, ftit jafu nies b'dal-post, u ftit nies jaqrawh dal-blogg (tnejn b'kollox...), jiġifieri se jifdalli biżżejjed spazju fejn nintasab meta mmur hemm is-sajf li ġej.
Semmejt li żmien ilu konna għamilna ftit ġimgħat naħdmu fuq mina li tagħti mill-power station għall-Ħofra ż-Żgħira, eżatt maġenb dil-bajja. Fil-brejk ta' nofsinhar ġieli kont niġi ngħum hawn. Naturalment, kont nitla' fuq il-blata li tidher f'dar-ritratt. Naturalment, kull darba li mmur hemm, jiġifieri kull sajf, immur nitla' fuqha.
Iġri jasal!
No comments:
Post a Comment