Dan wieħed mir-ritratti favoriti tiegħi, ta' wieħed mill-postijiet favoriti tiegħi f'Malta. Kemm jista' jkun nagħmilha punt li darba fis-sena mmur ngħum hawnhekk. 'Il bogħod mill-massa tan-nies, u allura għall-kwiet. L-uniku ħsejjes li tisma' hawnhekk huma ta' xi dgħajsa, jew ta' xi lanċa tgħabbi jew tħott l-affarijiet għall-fish farm li hemm ftit 'il barra mix-xatt.
Din fir-ritratt tissejjaħ il-Ħofra l-Kbira. It-tieqa li tidher fit-tarf l-ieħor tal-bajja tagħti għall-Ħofra ż-Żgħira. Flimkien magħrufin bħala l-Ħofriet, u l-inħawi jissejħu Xrobb l-Għaġin. Hija dik il-parti tal-kosta ta' bejn il-Bajja ta' San Tumas u Delimara. Tal-għaġeb sabiħa dil-parti ta' Malta.
Naturalment, l-għorrief li għandna jmexxuna sabu mezz kif iħassruha - bil-power station, li anki fir-ritratt jidhru żewġt iċmieni tagħha. Iċ-ċumnija l-mostru tidher ukoll minn hawn, imma fir-ritratti li ħadt hawn ippruvajt kemm jista' jkun nevitaha. Fil-fatt, fil-Ħofra ż-Żgħira kont anki ħdimt jien stess fuq biċċa sfreġju hemmhekk - bnejna l-ħruġ ta' mina li mill-power station ta' Delimara jwaddab l-ilma msaħħan li jkun intuża biex iberred il-magni tal-impjant. Kien probabbli, anzi kważi żgur, l-isbaħ post li qatt ħdimt fih. Avolja ġieli ppruvajt, tant hi mwarrba u diffiċli biex tilħaqha li ili minn dak iż-żmien, qrib l-20 sena ilu, ma jirnexxieli nerġa' naraha l-Ħofra ż-Żgħira, li nqisha terġa' isbaħ mill-kbira.
Ir-ritratti qegħdin f'album fil-gallarija tar-ritratti li għandi fil-Picasa, 'Malta beaches'.
No comments:
Post a Comment