Fl-aħħar irnexxieli nissortja l-pataflun ritratti li ħadt fi Praga, u nippubblikahom fil-Picasa. Dan fuq ix-xellug jinkludi ż-żewġ veduti probabbli l-aktar magħrufa ta' dil-belt - il-kastell u ċ-Charles Bridge.
Sabiħa Praga, għalkemm kemmxejn 'turistika' żżejjed. Kull fejn tħares pjazez, monumenti, knejjes, palazzi, torrijiet, briġġijiet (minn ċerti bnadi tista' tilmaħ xi ħamsa jaqsmu x-xmara Vltava). Tant hemm x'tara li ma jaqbillekx tipprova tara kollox għax litteralment hemm wisq. Lanqas ma ppruvajt nifhem liema imperi, prinċpijiet u rejiet kienu hemm matul is-snin. Rimarka waħda ftakart li qalulna fuq il-ġita ta' Martin's Tour, li l-president Ċek hu l-uniku kap ta' stat Ewropew li jokkupa l-istess bini li kien jintuża elf sena ilu - il-palazz li qiegħed fil-kastell li jiddomina l-belt ta' Praga. Aktar milli kastell, din nistħajjilha ċittadella fuq skala kbira, b'katidral, basilika, il-palazz, ġonna - anki hawn ukoll tispiċċa titfixkel fil-ġid.
Nieżel 'l isfel mill-kastell tista' tgħaddi mill-vinja ta' Wenċeslas u tara panorama taħtek tax-xmara sserrep madwar il-parti l-antika tal-belt fuq naħa waħda, u l-parti hekk imsejħa ż-żgħira fuq in-naħa tal-lemin.
Fuq wara tal-parti ż-żgħira hemm park fuq għolja li hu moqdi minn tramm/funikular. Dan hu l-Petrin Park, ġnien sabiħ u kwiet mnejn tista' tara aktar veduti spettakolari. Hemm torri qisu verżjoni żgħira tat-Torri Eiffel, u minn fuqu ġġib anki l-kastell ta' Praga taħtek. Gianluca infatti rrimarka meta tlajna fuq li konna qegħdin 'ogħla minn kullimkien'. Fl-istess park hemm ukoll kappella, osservatorju astronomiku, u labirint tal-mirja, minbarra l-ġnien innifsu.
Sabiħa Praga, nerġa' ngħid. Ma niddejjaq xejn kieku kelli nerġa' mmur...
No comments:
Post a Comment