Sunday, January 31, 2010

Dehen minn min jaħkimha

Mill-gallarija hawnhekk ftit kien jidher li qed jiġru affarijiet f'dik l-art ħelwa, l-omm li tatna isimha, ħlief li student żagħżugħ li kien editur ta' fuljett fl-università qed jissogra jeħel il-ħabs talli ppubblika storja...

Imbagħad, f'daqqa waħda, bdew ifaqqgħu stejjer u diskorsi mimlijin dehen minn min dik l-art ħelwa qed jaħkimha. Jaħkimha? Jew imexxiha? Skond dak l-innu monotonu, tad-dwejjaq u ikrah li jdoqqu fuq it-television lejliet il-Milied u lejliet l-ewwel tas-sena, u meta jilgħab it-tim nazzjonali tal-football f'Ta' Qali, hemm xi ħadd li qed jaħkimha. Min? Ħeqq, nimmaġina l-President u l-gvern tiegħu, le? Avolja, l-ikbar dehen dal-aħħar qed nisimgħuh mingħand min għadu għalissa jixtieq imexxiha. Jew jaħkimha. Ngħiduha, jekk mhux b'wieħed ikollna nitqannew bl-ieħor. Ħakma tiġi. Kien jaf x'qed iħarbex Dun Karm.

Mela ħa nibdew mill-kbir nett. Il-ħakkiem, skond l-innu Malti. L-Eċċellenza Tiegħu l-President ta' Malta, li għandu jkun beda jitfixkel x'kariga tawh u mingħalih sar l-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof ta' Malta. Għax l-E.T. l-President ftit jiem ilu ddikjara bla tlaqliq x'jidhirlu li hi d-definizzjoni ta' familja. Raġel u mara li jgħixu flimkien bl-intenzjoni li jagħmlu t-tfal. Dik, ċumm bumm. L-oħrajn mhux familji. Ġenituri waħedhom li jitbażwru biex irabbu tifel, tifla jew tfal, dawk mhux familji. Aħwa jgħixu flimkien wara li mitulhom il-ġenituri, dawk mhux familja. Koppja li jadottaw tfal, dawk mhux familja. Koppja mhux miżżewġa li għandhom tfal u jgħixu fl-istess dar, dawk mhux familja. Bir-rispett kollu: żgarrajna hawn, Eċċellenza.

Smajna biha l-aħħar fuq Arnold Cassola fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2004. Kaċċa għas-sħaħar kontra min (forsi) jaqbel mal-abort. Erħilha li dan kien qal li ma jaqbilx. Issa l-mira daret fuq Toni Abela tal-Lejber, li mid-dehra f'xi programm tat-television kien qal li f'ċerti każijiet estremi l-abort jista' jkun ġustifikat. U ara l-irwiefen tal-kundanna dlonk jibdew jonfħu, bil-vittma l-ġdida jagħmel mhux pass wieħed imma erba' passi lura. Qalilna, Dottor Abela, li mhux talli huwa kontra l-abort, talli bħala avukat kien irnexxielu jġiegħel lill-qorti ta' Malta twaqqaf waħda mara milli ssiefer, għax skond hu kienet se ssiefer biex tagħmel abort.

Ħmmm. Idea interessanti din. Forsi ta' min jissuġġerixxi li ntellgħu purtiera tal-ħadid madwar il-gżejjer Maltin. U kif inkunu fiż-żifna naqtgħu l-linji kollha tal-komunikazzjoni ħalli nrażżnu l-mewġ tal-ħażen li qed iħabbat fuq ix-xtut ta' Malta u se jispiċċa jħassar is-soċjetà u t-tradizzjonijiet tant għeżież tagħha. Ara kemm tkun idea tajba, lanqas klandestini ma jibqgħu jidħlu f'Malta.

Rari jonqos milli jipprovdilna perli ta' dehen il-Kap tal-Oppożizzjoni Joseph Muscat. L-aħħar waħda nebbaħna biha wara li tħabbar li Louis Galea kien se jiġi nnominat għall-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Nesa kemm kienu għajruhom b'xorti lil Galea u lil John Dalli. Issa f'daqqa waħda dawn it-tnejn saru tnejn mill-aħjar elementi tal-gvern Nazzjonalista, imwarrbin u mormijin minn Gonzi. Tajjeb, allura x'suppost nagħmlu? Nibagħtu 'l xi ħadd inkompetenti u medjokri jirrappreżenta 'l Malta fl-istituzzjonijiet tal-UE? Jaqaw hekk se jibda jagħmel meta jilħaq il-ħolma li jsir Prim Ministru Progressiv ta' Malta? Mill-ewwel jiġuni f'moħħi xi eżempji ta' nies li kieku "jlaħħaq" seħibna Joseph. Diġà rajnih juża l-istess prinċipju fil-partit tiegħu...

Wednesday, January 27, 2010

A long way

An average of three runs of 10km each - that's 30km - per week.

An average of 18km - the long run - each weekend.

It's probably more for both. That's an average of 48km run per week for 50 weeks per year, making a conservative estimated total of 2400km of running per year.

Multiplying that by 18, which is the number of years I have been running at more or less the same amount per year, gives 43200 km.

That's all the way around the circumference of the earth, plus another 3000km for good measure, i.e. quite a long way. Who knows, maybe I'll do another round trip...

Tuesday, January 26, 2010

Upholding the morals in Lilliput

The Rectum at the Lilliput Institute for Spoonfeeding ordered the Morality Police of Lilliput to lock a young goblin in a dungeon as punishment for publishing an outrageous story, replete with references to goblin pudenda and possible usages of such pudenda.

It was the same sort of story that goblins can freely buy and read in Lilliput, but only if the stories are written in other forests, outside Lilliput, by goblins who do not live in Lilliput, and in a language other than Lilliputian.

There was an uproar following this Fatwa, with writers saying that had a right to write whatever they thought was right, and others saying that it was not right that writers should have this right. So, the Great Leader Gobbi set up a Group of Wise Goblins, which was to decide once and for all what Lilliputian goblins should be allowed to say, write, hear, read and see.

The Group of Wise Goblins embarked on their task with great enthusiasm, and when their work was finished they drew up a list of words that would be forbidden and which, if written in any publication in Lilliput, would entitle the Morality Police to throw the publisher into a dungeon.

The list of forbidden terms included expressions such as Gobb, Gosh, Oggja and other words that, according to statistics, are used on average once in every sentence that is spoken in Lilliput. It was published in the Goblin Gazette, and the following day all members of the Group of Wise Goblins were rounded up by the Morality Police, and thrown into a dungeon for publishing obscene material and thereby breaking the Obscene Publications Act.

Sunday, January 24, 2010

Jannar

Ikrah Jannar. Il-ħin kollu d-dlam, jew kważi, u meta jisbaħ jurina griż u mċajpar, u siġar li saru zkuk bla weraq.

Kuljum.

Kesħa, mit-tip li tippenetra l-ġilda u tidħol fl-għadam. Il-festi ta' żmien il-Milied għaddew u spiċċaw, id-dwal ikkuluriti żżarmaw, u l-uniku prospett għalissa huma xahrejn oħra ta' ksieħ u arja umda - taqta' qalbek toħroġ naqra barra għax trid iddum kwarta tipprepara biex tinkesa minn rasek sa saqajk. Mank tista' tmur vaganza, għax it-tfal bl-iskejjel u għadna kif ħadna l-vaganzi tal-Milied. Xejn, tissaporti jkollok. U tirringrazzja 'l Alla li (u mhux dejjem ikun il-każ) l-art mhix miksija bil-borra, u tista' timxi normali fuq il-bankina u ssuq karozza mingħajr ma tissogra li tibda tiskejzja u tiżżerżaq għal ġo xi arblu.

Ftit ilu kont qed nipprova naħseb jekk hemmx xi ħaġa li tiġbru lil Jannar, u kkonkludejt li m'hemmx. Imbagħad ftakart fl-uniku vantaġġ li nista' naħseb fih. M'hemmx għalfejn ngħaddu l-ġnien bil-lonmower, għax il-ħaxix fix-xitwa ma jikbirx...

Iġri tasal ir-rebbiegħa ħa nieħdu r-ruħ.

Sunday, January 17, 2010

Infern

Kien hemm pajjiż, kien jismu Ħaiti. Issa m'għadux pajjiż, sar infern. Naħseb din l-ewwel darba li terremot mhux biss qered belt u ħalla ħafna vittmi, imma tista' tgħid qered pajjiż sħiħ. Dak li konna ngħidulu l-Ħaiti, almenu għalissa, jidher li sar territorju bla gvern, bla ordni, f'kaos totali. Popolazzjoni sħiħa li diġà kienet fqira, issa bla djar, bla tama, iddisprata, dak kollu li għexu għalih meqrud, litteralment ma jafux fejn se jagħtu rashom. Eluf għadhom mirdumin, issa stess qed imutu.

U jien hawn, komdu komdu, nikteb. Komdu fiżikament, imma l-kuxjenza skomda. Kull ma nikteb ftit jista' jkun ta' sugu. Ftit li xejn ma nista' nagħmel biex ngħin lill-povri nies tal-Ħaiti. Ma narax għaliex m'għandix nibqa' nikteb fil-blogg. Imma ma nistax naqbad u nikteb fuq affarijiet oħra u ninjora d-diżastru li qed iseħħ issa stess.

Tirrealizza kemm għadna lura milli nkunu fil-kontroll tad-destin tagħna, kemm għadna vulnerabbli għall-forza tremenda tan-natura. Għamilna ħafna biex ħloqna dinja fejn inħossuna fil-kenn, komdi, fil-kontroll. Imma għad jonqos ħafna x'naqdfu. Xi pajjiżi huma xi ftit jew wisq attrezzati għal kontra terremot. Fil-Ġapan u fl-Amerka jibnu fis-sod biżżejjed biex terremot, ġeneralment, ma jikkawżax diżastru kbir iżżejjed. Imma l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għadhom lura, lura wisq, u kull ċaqliqa tal-art toqtol l-eluf.

Hemm bżonn li n-Nazzjonijiet Uniti tkun organizzata b'mod li tista' tidħol u tgħin mill-ewwel meta jinqala' diżastru xi mkien. Il-biċċa l-kbira tan-nies qalbha tajba, u tixtieq tgħin, imma jiġri wisq drabi li l-għajnuna li jixtiequ jagħtu n-nies tkun frustrata bid-diżorganizzazzjoni kważi inevitabbli maħluq mid-diżastru. Povri nies, nerġa' ngħid.

Wednesday, January 13, 2010

Wied iż-Żurrieq, 30 ta' Diċembru 2009

Waqt li l-bqija tal-Ewropa kienet qed tiffriża, Malta konna qed nitpaxxew bi ġranet mill-isbaħ. Kultant veru qisha gżiritna qiegħda fi pjaneta differenti.

Hawnhekk Wied iż-Żurrieq, inżul ix-xemx tat-30 ta' Diċembru 2009. Irrabjajt naqra li waddbu rigg taż-żejt eżatt ħdejn Filfla, imma fir-ritratt lanqas biss għamel ikrah! Imbagħad iddur in-naħa l-oħra u tara l-irdum taż-Żurrieq, fejn jispiċċa Wied Babu. Hemmhekk kien tfaċċa qamar mimli, kważi qamar kwinta:

U x-xemx kompliet nieżla, u s-sema jiħmar. Mamma mija xi ġmiel:

Grazzi Malta. Wisq sabiħa!

Saturday, January 9, 2010

Tliet paragrafi bla sens

Naħseb kienet biss kumbinazzjoni, żewġ bloggati waħda wara l-oħra, qabel din tal-lum, bit-titlu bit-Taljan. Kumbinazzjoni, għax terġa' miktubin bil-Malti, imma dehrli l-espressjoni li tiddeskrivihom l-aħjar kienet bit-Taljan fiż-żewġ każi.

Din bloggata oħra minn dawk 'per la cronaca', iktar minn ta' qabilha, u qed indaħħalha sempliċiment biex indaħħal titlu bil-Malti. Iġri nlesti skoss intietef li għandi x'neħles, ħa nkun nista' nerġa' nibda nibbloggja bis-serjetà.

Fissazzjoni tiegħi din, li kitba b'żewġ paragrafi tidher kerha għall-għajn? Spiċċajt żidt dat-tielet paragrafu biex ma jkunx blogg b'żewġ paragrafi. Iva, tabilħaqq, ikolli nammetti, waqa' lura dal-aħħar l-istandard ta' "Mill-gallarija...".

Friday, January 8, 2010

Per la cronaca

Il-morsa tal-kesħa qawwija li ħakmet l-Ewropa minn Sqallija 'l fuq ma jidhirx li trid tħallina. Illum kont qed niġri f'mument minnhom kont fil-bosk, u litteralment ma kont tara l-ebda kulur ħlief abjad u griż. Stajt faċilment kont f'film black-and-white - sema griż, art bajda, friegħi u siġar griżi, forsi tikka kannella taz-zkuk minn taħt il-ġlata, u ftit linji rqaq blu fuq iż-żarbun tiegħi, il-bqija anki l-ħwejjeġ tiegħi kienu bojod u suwed.

Spettakolari, veru, imma mhux għal min irid jivvjaġġa... anzi l-vjaġġi tiegħi għalissa lesti. Anki biex titfa' l-pass diffiċli bl-art miksija bil-borra. Issa nistenna l-ġirja t-twila li jmissni l-Ħadd li ġej. Nipprova nirrepeti l-ġirja memorabbli li kelli s-sena l-oħra x-Chateau de la Hulpe. Issa nara x'ġej, għax milli qalu kisja ħoxna borra ġejja fuq il-pajjiż kollu. U sadattant Malta qed igawdu l-iktar xitwa sħuna fil-memorja ta' kulħadd. Xemxi kważi kuljum b'temperaturi qishom tar-rebbiegħa! Kultant veru jkollok tissuspetta li pjaneta differenti...

Iż-żewġ qarrejja ta' dal-blogg għalissa qed ikollhom jikkuntentaw bi ftit kliem 'per la cronaca' - tal-lum tipika. Għandi skoss affarijiet x'neħles u ftit qed iħalluli ħin. Waħda ddeċidejt, eżatt sena wara li kont inqbadt... daqshekk Facebook għalissa - qed jaħlili wisq ħin għalxejn. L-iżjed forsi ntella' xi ritratti, meta xi darba jirnexxieli nipproċessahom.

Saturday, January 2, 2010

Un tuffo nella terra d'origine

Un tuffo nella terra d'origine: il-vaganzi tal-ahhar tas-sena s'issa kienu pjacevoli ghall-ahhar.

Imqabbel mat-temp polari li tlaqt minnu u li dalwaqt nerga' nintefa' fih, f'Malta hawn genna tal-art. Temperaturi komdi, avolja wisq rih, imma nkun vili jekk ingerger.

Wied il-Ghajn, il-Maqluba, Wied iz-Zurrieq (fejn rajt inzul tax-xemx straordinarju bil-qamar kwinta tiela' minn wara l-irdum), San Tumas ghal Xrobb l-Ghagin, Marsaxlokk, Valletta Waterfront, pastizzi, qaghaq tal-ghasel, fenkata, wisq u wisq ikel u xorb, anzi pattejt bi skoss giri fit-tul. Tmiem u bidu tas-sena sbieh - igri nara r-ritratti. Min jghid li Malta ma toffrix minjiera ta' interess u pjacir ghat-turisti jkun qed jitkellem mill-warrani. Hasra jahasra dawk il-bombi tal-murtali fis-sajf, u kull pass li taghmel fil-kampanja rrovinat mill-mishut sparar tal-kaccaturi.

Mela llum f'Marsaxlokk ittawwalna wahda s-suq, u kien hemm min qed ibigh xi suveniers. Fost dawn laqtuli ghajnejja xi haga mill-imghoddi mhux wisq imbieghed li hija ghal qalbi hafna, imma li mid-dehra diga' bdew jintesew id-dettalji precizi taghhom: il-karozzi tal-linja, meta kienu jingharfu mill-kulur skond liema rhula jaqdu.

Sfortunatament, dawk li qed ibighu mudelli zghar ta' dawn il-karozzi tal-linja b'kuluri differenti kellhom hafna minnhom bil-kuluri hziena, probabbli ghax ma jiftakruhomx sew. Imma jien ghadni niftakarhom tajjeb! U qabel ma l-memorja tibda tfalli lili wkoll, hawn huma l-kuluri ezatt kif kienu, almenu dawk li jistghu jiguni f'mohhi:

Zabbar - ahmar b'faxx blu (tal-ewwel ghax il-linja li konna nirkbu ahna mill-Fgura)

Kottonera / Rahal Gdid - ahdar car kollha
Birkirkara - homor kollha
Mellieha - celest car b'faxx blu. Ghalija dawn kienu l-isbah.

Dawn it-tliet settijiet kienu l-kuluri uzati meta bdiet l-ewwel riforma li kienet se twassal biex eventwalment jigu kollha kumpannija wahda bl-istess kulur. Il-hodor kienu jaqdu n-nofsinhar ta' Malta, il-homor il-parti tan-nofs, u c-celesti t-tramuntana. Eventwalment kienu saru kollha homor (fi zmien meta anki t-twieqi ta' Kastilja kienu zebghuhom homor), imbaghad kollha hodor cari, sakemm wasalna ghal dawn li hawn bhalissa, sofor b'faxx orangjo. Li jwassalni ghall-kumplament tal-lista:

Zebbug - sofor b'faxx orangjo
Zurrieq - orangjo qawwi (dawn ukoll fost l-aktar li kienu joghbuni)
Zejtun - homor b'faxx ahdar
Lija - homor b'faxx abjad u ahmar
Birzebbuga (anzi Kalafrana) - blu b'faxx abjad u ahmar
Sliema/San Giljan - ahdar kulur iz-zebbug, f'faxx ahdar skur
Rabat - blu skur minn fuq s'isfel
Mosta - kannella car b'faxx kannella skur
Ghaxaq/Gudja - blu b'faxx kafellatte (fuq din biss m'inix 100 fil-mija cert)

Jekk ma koprejthomx kollha, ftit li xejn ma jonqos. Fil-fatt jonqos il-famuzi "Privates" li minnhom hargu l-espressjonijiet "tikri private" jew "private tal-pulizija". Dawn kienu jkunu kulur il-krema, qishom il-kulur popolari taz-zebgha tal-hitan il-magnolja.

Kont se ninsa r-Repubblika ta' hbiebi l-Ghawdxin, the island where time stood still hlief ghall-miljun tunnellata konkos li waddbu fuq il-moll tal-Port tal-Imgarr u l-eluf ta' flettsijiet li qed jissugraw jordmu dil-gawhra f'nofs il-Mediterran. Hawnhekk il-karozzi tal-linja kienu jkunu grizi b'faxx ahmar (ukoll fost l-isbah ghall-gosti tieghi), u hekk ghadhom sal-gurnata tal-lum. Ma nghidx li qatt jinbidlulhom il-kuluri dawn.

Mamma mija x'bard hemm jistennieni l-Belgjum, l-oghla temperatura mbassra ghal xi 3 taht iz-zero dakinhar li nasal, x'biza'!