Sunday, January 17, 2010

Infern

Kien hemm pajjiż, kien jismu Ħaiti. Issa m'għadux pajjiż, sar infern. Naħseb din l-ewwel darba li terremot mhux biss qered belt u ħalla ħafna vittmi, imma tista' tgħid qered pajjiż sħiħ. Dak li konna ngħidulu l-Ħaiti, almenu għalissa, jidher li sar territorju bla gvern, bla ordni, f'kaos totali. Popolazzjoni sħiħa li diġà kienet fqira, issa bla djar, bla tama, iddisprata, dak kollu li għexu għalih meqrud, litteralment ma jafux fejn se jagħtu rashom. Eluf għadhom mirdumin, issa stess qed imutu.

U jien hawn, komdu komdu, nikteb. Komdu fiżikament, imma l-kuxjenza skomda. Kull ma nikteb ftit jista' jkun ta' sugu. Ftit li xejn ma nista' nagħmel biex ngħin lill-povri nies tal-Ħaiti. Ma narax għaliex m'għandix nibqa' nikteb fil-blogg. Imma ma nistax naqbad u nikteb fuq affarijiet oħra u ninjora d-diżastru li qed iseħħ issa stess.

Tirrealizza kemm għadna lura milli nkunu fil-kontroll tad-destin tagħna, kemm għadna vulnerabbli għall-forza tremenda tan-natura. Għamilna ħafna biex ħloqna dinja fejn inħossuna fil-kenn, komdi, fil-kontroll. Imma għad jonqos ħafna x'naqdfu. Xi pajjiżi huma xi ftit jew wisq attrezzati għal kontra terremot. Fil-Ġapan u fl-Amerka jibnu fis-sod biżżejjed biex terremot, ġeneralment, ma jikkawżax diżastru kbir iżżejjed. Imma l-biċċa l-kbira tal-pajjiżi għadhom lura, lura wisq, u kull ċaqliqa tal-art toqtol l-eluf.

Hemm bżonn li n-Nazzjonijiet Uniti tkun organizzata b'mod li tista' tidħol u tgħin mill-ewwel meta jinqala' diżastru xi mkien. Il-biċċa l-kbira tan-nies qalbha tajba, u tixtieq tgħin, imma jiġri wisq drabi li l-għajnuna li jixtiequ jagħtu n-nies tkun frustrata bid-diżorganizzazzjoni kważi inevitabbli maħluq mid-diżastru. Povri nies, nerġa' ngħid.

No comments: