Ikrah Jannar. Il-ħin kollu d-dlam, jew kważi, u meta jisbaħ jurina griż u mċajpar, u siġar li saru zkuk bla weraq.
Kuljum.
Kesħa, mit-tip li tippenetra l-ġilda u tidħol fl-għadam. Il-festi ta' żmien il-Milied għaddew u spiċċaw, id-dwal ikkuluriti żżarmaw, u l-uniku prospett għalissa huma xahrejn oħra ta' ksieħ u arja umda - taqta' qalbek toħroġ naqra barra għax trid iddum kwarta tipprepara biex tinkesa minn rasek sa saqajk. Mank tista' tmur vaganza, għax it-tfal bl-iskejjel u għadna kif ħadna l-vaganzi tal-Milied. Xejn, tissaporti jkollok. U tirringrazzja 'l Alla li (u mhux dejjem ikun il-każ) l-art mhix miksija bil-borra, u tista' timxi normali fuq il-bankina u ssuq karozza mingħajr ma tissogra li tibda tiskejzja u tiżżerżaq għal ġo xi arblu.
Ftit ilu kont qed nipprova naħseb jekk hemmx xi ħaġa li tiġbru lil Jannar, u kkonkludejt li m'hemmx. Imbagħad ftakart fl-uniku vantaġġ li nista' naħseb fih. M'hemmx għalfejn ngħaddu l-ġnien bil-lonmower, għax il-ħaxix fix-xitwa ma jikbirx...
Iġri tasal ir-rebbiegħa ħa nieħdu r-ruħ.
No comments:
Post a Comment