Saturday, March 27, 2010

Ir-ritratt tax-xahar - April 2010

Kull filgħaxija kienu jiġu jinnamraw, dejjem fuq l-istess fergħa fil-ġnien tagħna. Ġiet ix-xitwa u ma rajnihomx aktar. Issa x-xitwa spiċċat, u reġgħu tfaċċaw. Kemm huma ħelwin! Sabiħa wisq ir-rebbiegħa.

Friday, March 26, 2010

Moviment tad-Dilettanti Moderati u Progressivi

Mela llejla malli xgħelt il-kompjuter nilmaħ email mhux solleċitata - spam - mingħand "The Maltastar Team". Dal-aħħar bdew jimmiraw għalija, qed jaraw fija materjal potenzjali tajjeb biex ningħaqad mal-Moviment ta' Moderati u Progressivi li Saru Jistħu Jgħidu li Huma Laburisti.

"BLACKOUT MONDAY". Anzi t-titlu spellewh sew, ma nafx kif.

Kont se l-aħħar nittikkjah u nassenjah fil-gadget tar-"report spam", ġentilment offrut lili mill-gmail. Imma fettilli ġietni l-kurżità u ddeċidejt li naqrah. Mela ma temminx li kkonvenċewni ningħaqad mal-Moviment! Mela, veru ta!

Le, mhux proprja.

Tal-biki fil-fatt. Biex iħaddmu websajt li suppost trid tikkonvinċi lin-nies jivvutawlhom, l-organu uffiċjali elettroniku tal-"Moviment" li m'għadux partit iqabbdu nies li bilkemm kapaċi jiktbu sentenza li hi waħda sew. Tliet snin oħra dawn iridu jibdew imexxu, mhux websajt, imma lil Malta.

Ara x'kitbuli The Maltastar Team [il-kummenti bil-bold żidthom jien]:


On Blackout Monday we all found out how the 2438 who had their electricity supply cut off in 2009 feel [what's Blackout Monday, and 2438 what?]. This figure is a national disgrace, as was Blackout Monday. How dare the PM boast that the recession is lifting with this appalling human statistic [as opposed I suppose to an animal statistic]? No wonder Joseph Muscat talks so rightly of this human recession [What quality makes a recession human? Maybe it's because it's human that Joseph isn't talking wrongly about it ]. That is not lifting at all [Eh? What? WHAT?].

It is not only this country that was blacked out yesterday. It seems the entire government is, and has been, suffering from a collective blackout as to what is really happening on the ground, how expensive life is, how unsustainable our water and electricity bills are, and how impossibly expensive a trip to the pharmacy has become? [Is this last sentence a question or a statement?]

And it's not just families and individuals who are suffering [no, it's also us recipients of insipid, badly written spam from The Maltastar Team]. A not so grand total [so it's not a lot then?] of 10,657 businesses are more than 45 days late in paying their bills. They owe around 44,000,000 euros to this country, but cannot pay [The fact that they haven't paid doesn't mean that they cannot pay, it's just that they thought the rates would be revised. And by the way, in the plural "euro" remains the same].

This is a government in denial of the collapse of basic services which it has brought about through weak management, or management that has the most blatant conflict of interest. The name Alex Tranter illustrates this [What's so conflicting in the name Alex Tranter? Seems quite a sensible name to have]. He must be glad he is leaving [Why? Maybe he received a hefty electricity bill himself?]. Having improved little of substance. Having overseen a contract given to his boss of 200 million euros? Having to stand near another Minister to explain away another blackout? [Hey, Maltastar Team, a sentence by default ends with a fullstop NOT with a question mark]

Let's now look at how people are reacting to the government's handling of key and essential services to this country. Let's look at the true track record which comes out so clearly in answers to questions tabled in Parliament? [Another question mark. Perhaps they're a bit unsure of themselves...]

A grand total of 51,500 complaints have been received by ARMS, the company which processes water and electricity bills, since its inception last January. [They seem to like the word "grand". Maybe they think it gives the write-up a grandiose aura. Instead, it creates further confusion. Here it feels as if it's used in sarcasm, as if a larger number was expected. If they can't write properly in English, why don't they stick to Maltese? Or can't they do that, either?] Worse around a hundred people a month are now, in 2010 also having their supply cut off [ignorance of punctuation rules renders this sentence into perfect nonsense]. This is before we all get the higher bills! These presumably didn't notice the blackout yesterday. Almost two thousand are trying to pay off their bills in installments. [Logical sequence? What's that?]

Not surprisingly, amidst all this, Gonzi PN chose to tell us this last week that the recession is lifting. How ironic. Instead of this kind of spin which is all about playing with numbers, and does not reflect in any way how bad things are, why doesn't Gonzi PN concentrate on what the people are so worried about?

For such a huge percentage of the population to complain something must be terribly, terribly wrong. [What? Where? Which huge percentage? None have been quoted]

Nobody's salary has gone up to take account of these bills, unless perhaps you are one of the senior executives at the Lotto and Gaming Authority, who we hear, have been awarded bill cushioning increases lately, or you are one of these newly appointed Parliamentary Assistants who are getting an allowance which they can, if they wish use to help them to pay these bills at least.

Mind you since they all voted in favour of the increased bills they probably didn't need this allowance ! [In fact, they also enjoy paying taxes, which is why they haven't outlawed them]

This government is past it's sell by date. Blackout Monday brought this home to even some PN diehards. [It should be "its" without an apostrophe, meaning "belonging to it". With an apostrophe it means "it is". Zero for grammar. Zero for clarity of expression. Go back to school and learn how to write properly, maybe you'll rise above primary school level. By the way, I do agree with you about the sell by date. The only problem is that the alternative would be you - UTTER AMATEURS!]

Ara naqra wkoll min għandna alternattiva biex imexxi 'l Malta minflok l-Arċisqof Gonzi...

Thursday, March 25, 2010

Mistoqsija retorika

Aktar ma naqas l-interess tiegħi fil-futbol, aktar qed jiżdiedu l-kitbiet fuq il-futbol hawnhekk (jew kif iħobbu jgħidulhom tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti, il-"ktibiet"). Din bħal tal-post ta' qabel dan, fejn ikkritikajt il-format attwali ta' Quelli che il calcio, u malli waqaft nikteb mort nixgħel it-television biex narah... Jista' jkun l-interess tiegħi fil-futbol, jew in-nuqqas tiegħu, hu proporzjonali għas-suċċessi li jkunu qed jiksbu l-Juventus...

U la ġejna għas-suġġett. Mistoqsija retorika, li ma se jaqraha ħadd (ħlief iż-żewġ qarrejja ta' dal-blogg, voldieri jien xi darba fil-futur, u int, għażiż qarrej). Hawn hi d-domanda:

Hemm xi liġi tal-fiżika li tgħid li l-Juventus iridu jirbħu bilfors?

Donnu l-fatt li qegħdin fis-sitt post fis-Serie A, dis-sena tilfu 10 logħbiet tal-kampjonat (imma rebħu aktar), u nqalgħu miċ-Champions League u wara mill-Europa League, qed jitpinġew f'termini apokalittiċi, inkluż minni, ħa ngħidha wkoll. Ħeqq, paċenzja. Il-klassifika fiha 20 tim, hemm min jiġi l-ewwel, u hemm min anki jiġi d-dsatax jew l-aħħar. Anzi, is-sitt post mhux daqshekk ħażin!

Sunday, March 21, 2010

Quelli che il calcio...

Kien ikun hemm programm fuq ir-Rai Tre nhar ta' Ħadd waranofsinhar, waqt li qed jintlagħbu l-logħbiet tas-Serie A. Tgħidx kemm kienet trasmissjoni ħelwa u simpatika.

Quelli che il calcio.

Dak il-ħin it-TVs Taljani li jinqabdu normali ma jistgħu juru logħob tal-futbol. X'kienu jagħmlu? Kienu jagħmlu kollegamenti diretti u minflok ma l-kameras ikunu ppuntati lejn il-logħob, kienu juru n-nies li qed jaraw il-logħob, anzi kienu jibagħtu hemmhekk personaġġi magħrufa u li jżommu ma' kull wieħed mit-timijiet li jkunu qed jilagħbu, biex jikkummentaw fuq dak li qed jaraw. Fl-istudio kien ikun hemm xi ħaġa simili - imma l-mistednin kienu jaraw il-logħba tat-tim tagħhom fuq skrin żgħir quddiemhom.

Il-personaġġi. Kien hemm nies li saru famużi permezz tal-programm stess. L-aktar tnejn popolari kienu Idris u Suor Paola. Idris (ismu proprja Idris Sanneh) hu Senegaliż iswed faħma bbażat fl-Italja, u iffissat fil-Juventus. Il-mutetti li jagħmel waqt mumenti ta' tensjoni fil-logħbiet tal-Juve 'l kulħadd kienu jdaħħqu. Kienu mutetti ġenwini imma, mhux sfurzati biex għat-taparsi jdaħħqu.

Suor Paola, kif jidher minn isimha hija soru, u żżomm mal-Lazio. Aktar moderata minn Idris fl-atteġġamenti tagħha, kif titlob wara kollox il-vokazzjoni tagħha, imma akkanita ħafna wkoll. Tieħu sehem f'inizjattivi ta' karità, u fl-Italja hija popolari ħafna.

Kienu jiġu mistiedna, fuq bażi regolari, kultant, jew għal darba biss, personaġġi magħrufa li ma għadhomx jidhru aktar, forsi għax bidlu l-attività jew għax irtiraw. Pereżempju kien jiġi l-mibki "Tonino Carino da Ascoli", li ħalliena ftit ġranet ilu, eks ġurnalist ta' Novantesimo Minuto maħbub u famuż għal kif kien iħawwad il-pronunċja tal-ismijiet. Kienu jibagħtuh bħala "ġurnalist" jikkummenta fuq waħda mill-partiti prinċipali. Everardo da la Noce - ġurnalist irtirat li qabel kien jagħti l-aħbarijiet finanzjarji, iżomm ma' Spal imma fil-futbol ma jifhem xejn, u l-istess kien il-mibgħut ta' xi waħda mil-logħbiet - iħawwad ma ngħidlekx kemm.

Is-sabiħ tal-programm kien li tista' ssegwi r-riżultati kif qed jiżvolġu, imma fl-istess ħin il-programm kien magħmul b'mod li dak kollu li qed jiġri jieħdu kollu kemm hu biċ-ċajt. Kien jiġi dak il-buffu Teo Teocoli jilbes ta' xi ħadd famuż bħal Adriano Galliani, u jmur f'xi stadium jikkummenta fuq il-logħba tal-Milan u skoss affarijiet oħra li m'għandhom x'jaqsmu xejn.

Kollox, imma, b'mod pakat, bla malizzja u mingħajr eżasperazzjoni la fuq ir-riżultati tal-logħbiet imma lanqas biċ-ċajt innifsu, immexxi b'perfezzjoni minn Fabio Fazio. Kien l-isbaħ riklam għal dak li hu tajjeb fl-Italja. Ħafna drabi kont nippreferi nara Quelli che il calcio, voldieri r-reazzjonijiet u l-bużullotti tan-nies li qed jaraw il-partiti, milli l-logħbiet stess li jkunu qed jintwerew dak il-ħin stess bis-satellita.

Fl-2002 Quelli che il calcio spiċċa. Fabio Fazio ddeċieda jibda xi ħaġa ġdida, u minfloku daħlet tippreżenta Simona Ventura, u daħħlet magħha tim ta' nies għal kollox differenti. L-idea bażika tal-programm baqgħet l-istess, imma r-ruħ spiċċat. Ċajt imqanżaħ, artifiċjalità mill-bidu sal-aħħar. X'ħasra. Sar eżatt bil-maqlub ta' li kien qabel, riklam did-darba ħażin għall-Italja. M'aħniex 'il bogħol milli qed jiġri fil-kampjonat tal-futbol stess wara kollox.

Issa se mmur nixgħel it-TV biex narah allura...

Wednesday, March 17, 2010

Lokali ma tfissirx Malti! Grazzi

Kemm ma nistax għalih l-użu ħażin tal-kelma 'lokali'.

Il-kampjonat lokali. It-temp lokali (anżi, It-Temp Lokali. - peress li t-temp mingħalihom proper noun, u ma ninsewx il-fullstop...). L-aħbarijiet lokali. Tiela' u nieżla, kull meta jirreferu għal xi ħaġa nazzjonali, jew ta' Malta.

Il-kampjonat MALTI jekk jogħġobkom. Jew sempliċiment il-kampjonat Premier (la bilfors kull bassa rridu nagħmluha bħall-Ingliżi).

It-temp jekk jogħġobkom. M'hemmx għalfejn tispeċifika ta' fejn. Hija ovvja li fl-aħbarijiet tal-istazzjon nazzjonali ta' Malta r-rapport tat-temp se jikkonċentra l-aktar fuq it-temp ta' Malta, u mhux fuq tal-Mawritanja.

L-aħbarijiet jekk jogħġobkom. Aħbar hija aħbar kemm jekk ġrat f'Malta u anke f'dak il-baħħ tal-biża' li nħobbu ngħidulu "barra", ċjoè l-aħbarijiet internazzjonali. Jew għallinqas, jekk vera rridu ninsistu bl-iżolament "l-aħbarijiet ta' Malta".

Tinduna kemm hu ħażin l-użu tal-kelma "lokali" kieku ddawwarha bl-Ingliż u timmaġinaha użata fuq pereżempju xi BBC One:

The local football league... the local weather... the local news...

The Premier League (iva din proper noun), La Serie A, The weather, Il meteo (immaġina kieku "il meteo locale, jew "il tempo locale" - daqshekk ridikola "It-Temp Lokali."), The News, Le notizie, Il Telegiornale.

Naħseb din tirrifletti naqra l-fatt li l-mentalità kolonjali f'Malta għadha ma spiċċatx. "The locals", fis-sens ta' "the natives" kienet adatta biex jużawha biex jirreferu għalina l-Ingliżi meta konna parti mill-imperu Ingliż. Imma issa ma tagħmilx sens li nirreferu għalina nfusna bl-istess mod! Hija anki kwistjoni ta' awtorispett.

Tajjeb li jżommu f'moħħhom, dawk li permezz tal-mezzi tax-xandir qed isawru l-mod kif jitkellmu l-Maltin, li meta jgħidu "l-kampjonat tal-futbol lokali" din proprja tfisser ngħidu aħna xi Summer League tal-Fgura United. Dak hu futbol lokali. U "L-Aħbarijiet Lokali" fuq il-Leħen il-Fgura jkunu, u mhux fuq l-istazzjon nazzjonali ta' Malta.

Forsi l-aħjar mod kif nista' nispjega xi tfisser dil-kelma hu fil-kuntest tal-pulitka. Meta ssir elezzjoni biex intellgħu gvern li jmexxi lil Malta, mhux elezzjoni lokali tkun, imma elezzjoni ġenerali. L-elezzjonijiet lokali jiswew biex jiġi ffurmat il-Kunsill Lokali tal-Fgura, u ta' lokalitajiet oħrajn.

Imma naf li ħanqa ta' ħmar qatt ma telgħet is-sema.

Nagħlaq b'din il-konklużjoni miġjuba mill-Malta Today ta' xi sena ilu, imbagħad immur nistrieħ għax dar-riħ li għandi se jġenninni. David Friggieri jgħix fi Brussell, u jikteb artikli interessanti fil-Malta Today. F'artiklu minnhom kiteb fuq grupp mużikali li jogħġbu. Fl-aħħar tal-artiklu, b'ittri żgħar, kien hemm din-nota dwar l-artikolista:

"David Friggieri lives in Brussels and is a fan of the local band Insejtxisimhom."

Illustrazzjoni perfetta tal-kelma użata ħażin. Għalija din is-sentenza tfisser li Insejtxisimhom huwa grupp Belġjan, anzi aktar speċifikament, grupp minn Brussell. Hija kwistjoni ta' perspettiva. Il-gazzetta hija Maltija, u tinbiegħ f'Malta, allura l-kelma "local" maġenb l-isem ta' belt fil-bogħod tfisser li qed tirreferi għal dik il-belt, u mhux għal Malta.

Immaġinaha mod ieħor. Id-Daily Mail tal-Ingilterra ġġib artiklu ta' artikolista Ingliż li jgħix f'Malta, John Ross, fejn jikteb fuq Robbie Williams u fl-aħħar tal-artiklu jiktbulna din-nota: "The author, John Ross, lives in Malta and is a fan of the local singer Robbie Williams." Nimmaġina kieku li Robbie Williams huwa Malti mill-Ħamrun li nhar ta' Sibt filgħaxija jmur ikanta f'xi pizzerija l-Qawra.

Hekk, fl-aħħar. Ili biex naqlagħha minn fuq l-istonku din.

Tuesday, March 9, 2010

Tonino Carino da Ascoli

Ħajjitna hija vjaġġ fiż-żmien, li matulu nsiru nafu u nħobbu numru kbir ta' persuni u personaġġi, li wħud minnhom eventwalment nassoċjawhom ma' parti minn ħajjitna li niftakru b'ċerta nostalġija.

Għalija wieħed minn dawn kien Tonino Carino, jew, kif inhu magħruf minn kull min għandu 'l fuq minn 40 sena u jsegwi l-futbol Taljan, Tonino Carino da Ascoli.

Ascoli Piceno hija belt żgħira Taljana fuq in-naħa tal-Adrijatiku, u għal numru ta' snin fis-70'ijiet u t-80'ijiet kellhom tim ta' ċertu kalibru li dejjem jilgħabha bejn is-Serie A u s-Serie B. Meta jkunu fis-Serie A, il-ġurnalist li fuq in-Novantesimo Minuto kien jirrapporta l-logħbiet 'home' tal-Ascoli kien Tonino Carino, li kien "jiffirma" t-tmiem ta' kull kollegament bi frażi li saret kważi leġġendarja "Tonio Carino da Ascoli".

Kien personaġġ simpatiku, qatt kontroversjali, maħbub minn kulħadd. Issa ħalliena, u miegħu mietet parti minn tfuliti. Jgħaddu s-snin, u mal-milja taż-żmien aktar jikber iċ-ċirku ta' nies u personaġġi li nsiru nafu, u allura aktar tibda tiġri ta' spiss li tmut persuna li nkunu nafu. Apparti li kollha kemm aħna qed nikbru fl-età...

Immaġina kieku xi darba jitfaċċalna fuq l-iskrin u jgħidilna "Tonino Carino dal paradiso".

Addio Tonino, e grazie di essere esistito!

Awguri

Ġurnata tard, għax kelli wisq x'nagħmel ilbieraħ - nawgura lin-nisa kollha fl-okkażjoni tal-jum iddedikat għalihom.

Tgħid xi darba ma jkollniex bżonn niċċelebraw 'Jum il-Mara'? Ma ngħidx. Naħseb li Jum il-Mara se jibqa' għal dejjem, u r-raġuni ma tkunx għax għandhom drittijiet inqas mill-irġiel. Għall-inqas mhux għalhekk biss. Jgħidu li m'hemmx 'Jum ir-Raġel' imma hemm 364 minnhom kull sena. Imma jien ma ngħidx hekk. Anzi, nispera li Jum il-Mara jibqa', u xi darba minflok tkun okkażjoni biex infakkru fl-inġustizzji li jsofru ħafna minnhom madwar id-dinja - u anki fostna - għall-fatt biss li huma nisa, tkun okkażjoni biex niċċelabraw in-nisa bħala tali. Huwa aġġettiv stramb għal grupp ta' persuni li jiffurmaw il-maġġoranza tal-umanità, imma n-nisa huma 'speċjali' u għalhekk għandna niċċelebraw Jum il-Mara.

Din għalikom Sue u Roberta. Intom terġa' aktar speċjali. ;-) xxx

Semmejt l-inġustizzji. Kull sena f'dal-jum jiġuni f'moħħi dawk il-miljuni ta' nisa li huma kostretti jaħbu sbuħithom b'velu. Hemm min jgħid li huma stess jixtiequ hekk. Iva, tgħid mhux hekk. Naħseb huwa l-istat naturali għal tifla li meta timmatura u ssir mara tkun trid tgħatti rasha, jekk mhux ukoll wiċċha... Il-velu huwa viltà, tebgħa fuq l-umanità, soġġezzjoni ta' nisa li f'bosta soċjetajiet għadhom meqjusa bħala proprjetà.

Sunday, March 7, 2010

Manna ġejja mis-sema

Din tal-prezzijiet tad-dawl u l-ilma naraha xempju ta' dak kollu li hu ħażin fl-isqaq politiku, hekk imsejjaħ demokratiku, li daħlet fih Malta.

Mela, l-ewwel prinċipju bażiku. Id-dawl (interessanti din kif l-enerġija elettrika f'Malta nsejħulha dawl, imma insomma) u l-ilma ma jistgħux jitwasslu fid-djar tal-Maltin qishom il-manna ġejja mis-sema. Jiswew il-flus, u l-istess ħaġa, il-flus ma jaqgħux mis-sema bħall-manna, imma jiġu mill-bwiet tal-Maltin. Parentesi oħra, fil-fatt l-ilma veru jaqa' mis-sema b'xejn bħall-manna, imma tant kellna mexxejja għorrief matul is-snin li, minflok niġbruh u nużawh, ksew il-widien bl-asfalt biex dan l-ilma jibqa' nieżel dritt fil-baħar, u jgħarraq xi skosst idjar fil-proċess.

U allura, kif konna qed ngħidu, id-distribuzzjoni fid-djar tad-dawl elettriku u l-ilma ħelu jiswa l-belli ewri, u dawn il-belli ewri ma jista' jħallashom l-ebda benefattur providenzjali. Irridu nħallsuhom aħna.

X'ġara imma? Ġara li ż-żejt beda jogħla fil-prezz, u allura għolew ukoll l-ispejjeż biex nipproduċu d-dawl u l-ilma, imma biex ma jidhrux koroh u jitilfu l-voti l-gvernijiet li kellna żammew il-prezz tal-konsum tagħhom mid-djar baxx. Il-Water Services u l-Enemalta spiċċaw allura joħorġu b'telf kbir li kien jagħmel tajjeb għalih mill-fondi dejjem aktar limitati li kellu l-gvern, li sadattant kien qed jiġma' dejn ta' mijiet ta' miljuni ta' (dak iż-żmien) liri. U sadattant in-nies fid-dar jikkunsmaw l-ilma u d-dawl bl-addoċċ għax hekk jew hekk kienu rħas...

Meta tela' Alfred Sant fil-gvern induna li dil-biċċa xogħol ma kinitx tagħmel sens. Min jaħli ħafna elettriku u ilma jrid iħallas il-prezz għalihom, u ħa l-passi li kien hemm bżonn biex il-prezzijiet tagħhom jirriflettu aktar kemm fil-fatt jiswew. Ma sabx x'mar jagħmel. Rewwixta. Kemm għajruh kiefer, bla kuxjenza soċjali, minn kollox. Għajruh, naturalment, in-nazzjonalisti dak iż-żmien fl-oppożizzjoni. Il-laburisti għalqu ħalqhom u belgħu l-kanna bil-kwiet, u bdew jiġġustifikaw lil Alfred Sant u jwaħħlu fil-gvern ta' qablu għax kien ħalla ħerba fil-finanzi tal-pajjiż. Hekk kienu jgħidulhom fuq is-Super Wann.

Wara ftit il-gvern ta' Alfred Sant waqa' b'tisbita kbira, u żgur li dil-biċċa xogħol tad-dawl u l-ilma kellha sehem importanti fil-waqgħa ta' dak il-gvern. Il-gvern ġdid nazzjonalista reġa' raħħas xi ftit il-prezzijiet (imma mhux għal kif kienu qabel...), u l-poplu kompla jikkonsma bl-addoċċ. Elezzjoni waħda wara l-oħra n-nazzjonalisti baqgħu hemm, sakemm fl-aħħar anki huma kellhom iċedu għall-inevitabbli - id-dawl u l-ilma jridu jogħlew bil-goff għax m'hemmx biżżejjed flus biex nibqgħu nipproduċuhom mingħajr ma nkomplu niddejnu u nlaqqtu xebgħa sanzjonijiet mill-Unjoni Ewropea minħabba d-defiċit.

Ħupp. Il-folja kienet inqalbet ta' taħt fuq. Eżatt bil-maqlub. In-nazzjonalisti issa qed jippruvaw inessu xi plejtu kienu għamlu meta Alfred Sant għamel eżatt dak li qed jagħmlu huma issa. Il-General Workers Union ta' Tony Zarb komplew juru kemm fil-fatt kull ma huma sempliċi estensjoni tal-lejber. Dak iż-żmien l-ebda protesta, issa joħorġu l-eluf tan-nies jipprotestaw fil-Belt u jgħajru u jinsulentaw lill-membri parlamentari tal-gvern. Għaliex dawn l-istess nies ma ħassewx li kellhom bżonn jipprotestaw fi żmien Alfred Sant?

Sadattant issa n-nazzjonalisti wasal il-mument tagħhom li jagħlqu ħalqhom u jibilgħu l-kanna tal-ilma bil-kwiet. U issa qed jiġġustifikaw il-prezzijiet għoljin, addijo kuxjenza u boxxla soċjali. Is-sabiħa hi din. Jitkażaw b'dawk li llum qed jipprotestaw għax fi żmien Alfred Sant kienu qagħdu kwieti, u ma jirrealizzawx li huma stess ħatja ta' eżatt l-istess inkonsistenza loġika, frott il-fanatiżmu partiġġjan li ħarbtilna għal kollox il-fakultà li nirraġunaw b'moħħna minflok b'moħħ il-partit. Ngħajru lil xulxin bl-istess dnub li qed nikkommettu aħna stess.

Le, le, tal-għaġeb kemm qegħdin sew.

Tuesday, March 2, 2010

Wied iż-Żurrieq, 30 ta' Diċembru 2009

Dar-ritratt jagħmel parti minn album jismu "As Europe freezes". Kien fi żmien il-Milied, meta l-Ewropa kienet miksija bil-borra u mifnija b'temperaturi polari waqt li Malta kienet qed tgawdi minn temp qisu tar-rebbiegħa. Gergirt ftit meta rajt dik l-istruttura pparkjata eżatt quddiem Filfla, imma spiċċat ħolqot kuntrast interessanti mal-elementi spettakolari tan-natura.

Kien inżul ix-xemx memorabbli. Ix-xemx nieżla ħadet lewn ħamrani aktar mis-soltu, ksiet l-irdum ta' taħt iż-Żurrieq b'dawl ħafif ruxxan, waqt li minn wara l-irdum kien tiela' qamar kważi kwinta. Tal-għaġeb kien sabiħ.

Lura soqna mit-triq li timxi mal-kosta lejn Għar Lapsi u s-Siġġiewi. Inżul ix-xemx kien quddiemna, u l-ħmura qawwija li kien hemm fis-sema quddiemna qatt ma rajt bħalha.

Sabiħa Malta.