Tuesday, March 9, 2010

Awguri

Ġurnata tard, għax kelli wisq x'nagħmel ilbieraħ - nawgura lin-nisa kollha fl-okkażjoni tal-jum iddedikat għalihom.

Tgħid xi darba ma jkollniex bżonn niċċelebraw 'Jum il-Mara'? Ma ngħidx. Naħseb li Jum il-Mara se jibqa' għal dejjem, u r-raġuni ma tkunx għax għandhom drittijiet inqas mill-irġiel. Għall-inqas mhux għalhekk biss. Jgħidu li m'hemmx 'Jum ir-Raġel' imma hemm 364 minnhom kull sena. Imma jien ma ngħidx hekk. Anzi, nispera li Jum il-Mara jibqa', u xi darba minflok tkun okkażjoni biex infakkru fl-inġustizzji li jsofru ħafna minnhom madwar id-dinja - u anki fostna - għall-fatt biss li huma nisa, tkun okkażjoni biex niċċelabraw in-nisa bħala tali. Huwa aġġettiv stramb għal grupp ta' persuni li jiffurmaw il-maġġoranza tal-umanità, imma n-nisa huma 'speċjali' u għalhekk għandna niċċelebraw Jum il-Mara.

Din għalikom Sue u Roberta. Intom terġa' aktar speċjali. ;-) xxx

Semmejt l-inġustizzji. Kull sena f'dal-jum jiġuni f'moħħi dawk il-miljuni ta' nisa li huma kostretti jaħbu sbuħithom b'velu. Hemm min jgħid li huma stess jixtiequ hekk. Iva, tgħid mhux hekk. Naħseb huwa l-istat naturali għal tifla li meta timmatura u ssir mara tkun trid tgħatti rasha, jekk mhux ukoll wiċċha... Il-velu huwa viltà, tebgħa fuq l-umanità, soġġezzjoni ta' nisa li f'bosta soċjetajiet għadhom meqjusa bħala proprjetà.

No comments: