Kien ikun hemm programm fuq ir-Rai Tre nhar ta' Ħadd waranofsinhar, waqt li qed jintlagħbu l-logħbiet tas-Serie A. Tgħidx kemm kienet trasmissjoni ħelwa u simpatika.
Quelli che il calcio.
Dak il-ħin it-TVs Taljani li jinqabdu normali ma jistgħu juru logħob tal-futbol. X'kienu jagħmlu? Kienu jagħmlu kollegamenti diretti u minflok ma l-kameras ikunu ppuntati lejn il-logħob, kienu juru n-nies li qed jaraw il-logħob, anzi kienu jibagħtu hemmhekk personaġġi magħrufa u li jżommu ma' kull wieħed mit-timijiet li jkunu qed jilagħbu, biex jikkummentaw fuq dak li qed jaraw. Fl-istudio kien ikun hemm xi ħaġa simili - imma l-mistednin kienu jaraw il-logħba tat-tim tagħhom fuq skrin żgħir quddiemhom.
Il-personaġġi. Kien hemm nies li saru famużi permezz tal-programm stess. L-aktar tnejn popolari kienu Idris u Suor Paola. Idris (ismu proprja Idris Sanneh) hu Senegaliż iswed faħma bbażat fl-Italja, u iffissat fil-Juventus. Il-mutetti li jagħmel waqt mumenti ta' tensjoni fil-logħbiet tal-Juve 'l kulħadd kienu jdaħħqu. Kienu mutetti ġenwini imma, mhux sfurzati biex għat-taparsi jdaħħqu.
Suor Paola, kif jidher minn isimha hija soru, u żżomm mal-Lazio. Aktar moderata minn Idris fl-atteġġamenti tagħha, kif titlob wara kollox il-vokazzjoni tagħha, imma akkanita ħafna wkoll. Tieħu sehem f'inizjattivi ta' karità, u fl-Italja hija popolari ħafna.
Kienu jiġu mistiedna, fuq bażi regolari, kultant, jew għal darba biss, personaġġi magħrufa li ma għadhomx jidhru aktar, forsi għax bidlu l-attività jew għax irtiraw. Pereżempju kien jiġi l-mibki "Tonino Carino da Ascoli", li ħalliena ftit ġranet ilu, eks ġurnalist ta' Novantesimo Minuto maħbub u famuż għal kif kien iħawwad il-pronunċja tal-ismijiet. Kienu jibagħtuh bħala "ġurnalist" jikkummenta fuq waħda mill-partiti prinċipali. Everardo da la Noce - ġurnalist irtirat li qabel kien jagħti l-aħbarijiet finanzjarji, iżomm ma' Spal imma fil-futbol ma jifhem xejn, u l-istess kien il-mibgħut ta' xi waħda mil-logħbiet - iħawwad ma ngħidlekx kemm.
Is-sabiħ tal-programm kien li tista' ssegwi r-riżultati kif qed jiżvolġu, imma fl-istess ħin il-programm kien magħmul b'mod li dak kollu li qed jiġri jieħdu kollu kemm hu biċ-ċajt. Kien jiġi dak il-buffu Teo Teocoli jilbes ta' xi ħadd famuż bħal Adriano Galliani, u jmur f'xi stadium jikkummenta fuq il-logħba tal-Milan u skoss affarijiet oħra li m'għandhom x'jaqsmu xejn.
Kollox, imma, b'mod pakat, bla malizzja u mingħajr eżasperazzjoni la fuq ir-riżultati tal-logħbiet imma lanqas biċ-ċajt innifsu, immexxi b'perfezzjoni minn Fabio Fazio. Kien l-isbaħ riklam għal dak li hu tajjeb fl-Italja. Ħafna drabi kont nippreferi nara Quelli che il calcio, voldieri r-reazzjonijiet u l-bużullotti tan-nies li qed jaraw il-partiti, milli l-logħbiet stess li jkunu qed jintwerew dak il-ħin stess bis-satellita.
Fl-2002 Quelli che il calcio spiċċa. Fabio Fazio ddeċieda jibda xi ħaġa ġdida, u minfloku daħlet tippreżenta Simona Ventura, u daħħlet magħha tim ta' nies għal kollox differenti. L-idea bażika tal-programm baqgħet l-istess, imma r-ruħ spiċċat. Ċajt imqanżaħ, artifiċjalità mill-bidu sal-aħħar. X'ħasra. Sar eżatt bil-maqlub ta' li kien qabel, riklam did-darba ħażin għall-Italja. M'aħniex 'il bogħol milli qed jiġri fil-kampjonat tal-futbol stess wara kollox.
Issa se mmur nixgħel it-TV biex narah allura...
No comments:
Post a Comment