Ħajjitna hija vjaġġ fiż-żmien, li matulu nsiru nafu u nħobbu numru kbir ta' persuni u personaġġi, li wħud minnhom eventwalment nassoċjawhom ma' parti minn ħajjitna li niftakru b'ċerta nostalġija.
Għalija wieħed minn dawn kien Tonino Carino, jew, kif inhu magħruf minn kull min għandu 'l fuq minn 40 sena u jsegwi l-futbol Taljan, Tonino Carino da Ascoli.
Ascoli Piceno hija belt żgħira Taljana fuq in-naħa tal-Adrijatiku, u għal numru ta' snin fis-70'ijiet u t-80'ijiet kellhom tim ta' ċertu kalibru li dejjem jilgħabha bejn is-Serie A u s-Serie B. Meta jkunu fis-Serie A, il-ġurnalist li fuq in-Novantesimo Minuto kien jirrapporta l-logħbiet 'home' tal-Ascoli kien Tonino Carino, li kien "jiffirma" t-tmiem ta' kull kollegament bi frażi li saret kważi leġġendarja "Tonio Carino da Ascoli".
Kien personaġġ simpatiku, qatt kontroversjali, maħbub minn kulħadd. Issa ħalliena, u miegħu mietet parti minn tfuliti. Jgħaddu s-snin, u mal-milja taż-żmien aktar jikber iċ-ċirku ta' nies u personaġġi li nsiru nafu, u allura aktar tibda tiġri ta' spiss li tmut persuna li nkunu nafu. Apparti li kollha kemm aħna qed nikbru fl-età...
Immaġina kieku xi darba jitfaċċalna fuq l-iskrin u jgħidilna "Tonino Carino dal paradiso".
Addio Tonino, e grazie di essere esistito!
No comments:
Post a Comment