Sunday, May 30, 2010

Xi ftit wisa'

Din Chiara m'għandhiex xaba', għandu jkun. Mhux biżżejjed ħadet sehem fil-Eurovision darba, tnejn, tlieta... Issa għax ma ħaditx sehem bħala kantanta ġiet timlilna l-iskrin biex taqra l-voti ta' Malta.

Dik figura li qed naqtgħu! Jafu n-nies li bagħtuha, li l-mument li jinqraw il-voti ta' Malta hu l-uniku f'sena sħiħa li l-maġġoranza l-kbira tal-Ewropej qatt jiftakru li teżisti Malta u li jaraw persuna Maltija? Li qed nagħtu l-impressjoni li aħna poplu ta' nies... (kif naqbad ngħidha?) "Alla jberikhom", jew li l-popolazzjoni ta' Malta tikkonsisti minn persuna waħda biss?

Bl-Ingliż għandhom l-espressjoni "hogging the limelight" li tispjega eżatt is-sitwazzjoni. Chiara, prosit, ġejt it-tielet imbagħad it-tieni, imbagħad l-aħħar. Issa min jaf kieku tħalli xi ftit wisa' għal ħaddieħor, eh?

Saturday, May 29, 2010

Sports comeback

Since two months I've had to give up running due to a pulled hamstring. I therefore had to take up a different sport. I've tried bodybuilding...


Not bad for a beginner, is it?

Tuesday, May 25, 2010

Ġurnata sħuna fl-eqqel tas-sajf

Xrobb l-Għaġin. Jogħġobni wisq dal-post. Għandi numru ta' ritratti ta' dan wieħed mill-aktar postijiet li nħobb f'Malta, u tkun ħasra kieku ma nżejjinx il-blogg bihom.


Ir-ritratt ta' fuq juri l-bajja kif tidher int u nieżel. Irrid noqgħod attent jien u nieżel bil-karozza, biex inħares lejn it-triq u mhux lejn din ix-xena. Ara kemm kien kalm l-ilma! Dar-ritratt qisu għandu miktub b'ittri jlellxu fuqu - "ġurnata sħuna fl-eqqel tas-sajf". Itik aptit taqbeż dritt fir-ritratt biex tgħum.


Hawnhekk ftit aktar 'l isfel. Il-blat tal-irdum f'dawn l-inħawi magħmul minn ġebla tal-franka bajdanija, u wkoll ratba tant li meta jkun imqalleb il-baħar jiġi kollu abjad. Imma ma kienx il-każ meta ġbidt dar-ritratt!


Tinżel minn taraġ dejjaq, u tasal fuq il-blat ħdejn il-baħar. Allaħares kellu jsir popolari hawnhekk, għax ftit li xejn m'hemm post lixx fejn tpoġġi. Fortunatament, ftit jafu nies b'dal-post, u ftit nies jaqrawh dal-blogg (tnejn b'kollox...), jiġifieri se jifdalli biżżejjed spazju fejn nintasab meta mmur hemm is-sajf li ġej.

Semmejt li żmien ilu konna għamilna ftit ġimgħat naħdmu fuq mina li tagħti mill-power station għall-Ħofra ż-Żgħira, eżatt maġenb dil-bajja. Fil-brejk ta' nofsinhar ġieli kont niġi ngħum hawn. Naturalment, kont nitla' fuq il-blata li tidher f'dar-ritratt. Naturalment, kull darba li mmur hemm, jiġifieri kull sajf, immur nitla' fuqha.

Iġri jasal!

Monday, May 24, 2010

Il-Ħofra l-Kbira fi Xrobb l-Għaġin

Dan wieħed mir-ritratti favoriti tiegħi, ta' wieħed mill-postijiet favoriti tiegħi f'Malta. Kemm jista' jkun nagħmilha punt li darba fis-sena mmur ngħum hawnhekk. 'Il bogħod mill-massa tan-nies, u allura għall-kwiet. L-uniku ħsejjes li tisma' hawnhekk huma ta' xi dgħajsa, jew ta' xi lanċa tgħabbi jew tħott l-affarijiet għall-fish farm li hemm ftit 'il barra mix-xatt.

Din fir-ritratt tissejjaħ il-Ħofra l-Kbira. It-tieqa li tidher fit-tarf l-ieħor tal-bajja tagħti għall-Ħofra ż-Żgħira. Flimkien magħrufin bħala l-Ħofriet, u l-inħawi jissejħu Xrobb l-Għaġin. Hija dik il-parti tal-kosta ta' bejn il-Bajja ta' San Tumas u Delimara. Tal-għaġeb sabiħa dil-parti ta' Malta.

Naturalment, l-għorrief li għandna jmexxuna sabu mezz kif iħassruha - bil-power station, li anki fir-ritratt jidhru żewġt iċmieni tagħha. Iċ-ċumnija l-mostru tidher ukoll minn hawn, imma fir-ritratti li ħadt hawn ippruvajt kemm jista' jkun nevitaha. Fil-fatt, fil-Ħofra ż-Żgħira kont anki ħdimt jien stess fuq biċċa sfreġju hemmhekk - bnejna l-ħruġ ta' mina li mill-power station ta' Delimara jwaddab l-ilma msaħħan li jkun intuża biex iberred il-magni tal-impjant. Kien probabbli, anzi kważi żgur, l-isbaħ post li qatt ħdimt fih. Avolja ġieli ppruvajt, tant hi mwarrba u diffiċli biex tilħaqha li ili minn dak iż-żmien, qrib l-20 sena ilu, ma jirnexxieli nerġa' naraha l-Ħofra ż-Żgħira, li nqisha terġa' isbaħ mill-kbira.

Ir-ritratti qegħdin f'album fil-gallarija tar-ritratti li għandi fil-Picasa, 'Malta beaches'.

Sunday, May 23, 2010

Inter - insult għall-futbol Taljan

L-Inter huma insult għall-futbol Taljan. Biex jirbħu ċ-Champions ramaw tim kollu kemm hu barranin, mingħajr plejer wieħed biss Taljan. Waqt iċ-ċelebrazzjonijiet rajna bnadar tal-Portugall, tal-Kamerun, tal-Maċedonja... imma l-ebda waħda tal-Italja. U l-boloħ ġurnalisti (il-ġurnalisti biss) Taljani jifirħu għax iċ-Champions League intrebaħ minn tim "Taljan".

L-istorja ta' dat-tim hi mibnija fuq dnub oriġinali: id-distruzzjoni tal-konkorrenza permezz ta' konfoffa vili li sejħulha Calciopoli.

Kwalunkwe tim ieħor kont ngħidilhom prosit tar-rebħa taċ-Champions League. Imma mhux l-Inter. Aħna l-Juventini qatt ma naħfrulhom tad-deni li għamlulna Moratti u l-klikka tiegħu. Iktar u iktar issa li qed jinkixef dak li ilna nissuspettaw - li huma kienu parteċipanti attivi fl-istess xibka ta' ħbieb tal-ħbieb li akkużaw biha lil ħaddieħor, speċjalment lill-Juventus. U aktar ma jgħaddi żmien aktar nistmerruhom, almenu sakemm jibqgħu hemm Dracula u sħabu.

Friday, May 21, 2010

Il-mossa tipika ta' Del Piero

Hemm hu, arah waqt it-training Del Piero. Mossa li tgħallem jagħmel b'perfezzjoni, u li fil-logħbiet (li jinsisti li għandu dritt jilgħab bilfors, għax inkella jdendel geddum sal-art) narawh jagħmilha kull darba li jidħol fl-azzjoni. Jaqa' mal-art.

Qabel kien famuż għax-xuttijiet à la Del Piero. Issa se nibqgħu niftakruh għall-waqgħat fl-art à la Del Piero.

Wednesday, May 19, 2010

Vizzju misħut

Fiż-żu ta' Praga hemm rokna ddedikata għal dawk li jpejpu. Jidher li apprezzata għax hemm skoss truf tas-sigaretti użati ġmielhom. Jien apprezzajtha wkoll, speċjalment it-tpinġija fuq it-tabella.

Nawgura lill-vittmi kollha tat-tipjip li jirnexxielhom jaqtgħu dal-vizzju misħut. Nawgura wkoll lil dawk li ma jpejpux li ma jkunux huma wkoll vittmi tat-tipjip... ta' ħaddieħor. Tama fierħa, naf.

Sunday, May 16, 2010

Praga (3)

Fl-aħħar irnexxieli nissortja l-pataflun ritratti li ħadt fi Praga, u nippubblikahom fil-Picasa. Dan fuq ix-xellug jinkludi ż-żewġ veduti probabbli l-aktar magħrufa ta' dil-belt - il-kastell u ċ-Charles Bridge.

Sabiħa Praga, għalkemm kemmxejn 'turistika' żżejjed. Kull fejn tħares pjazez, monumenti, knejjes, palazzi, torrijiet, briġġijiet (minn ċerti bnadi tista' tilmaħ xi ħamsa jaqsmu x-xmara Vltava). Tant hemm x'tara li ma jaqbillekx tipprova tara kollox għax litteralment hemm wisq. Lanqas ma ppruvajt nifhem liema imperi, prinċpijiet u rejiet kienu hemm matul is-snin. Rimarka waħda ftakart li qalulna fuq il-ġita ta' Martin's Tour, li l-president Ċek hu l-uniku kap ta' stat Ewropew li jokkupa l-istess bini li kien jintuża elf sena ilu - il-palazz li qiegħed fil-kastell li jiddomina l-belt ta' Praga. Aktar milli kastell, din nistħajjilha ċittadella fuq skala kbira, b'katidral, basilika, il-palazz, ġonna - anki hawn ukoll tispiċċa titfixkel fil-ġid.

Nieżel 'l isfel mill-kastell tista' tgħaddi mill-vinja ta' Wenċeslas u tara panorama taħtek tax-xmara sserrep madwar il-parti l-antika tal-belt fuq naħa waħda, u l-parti hekk imsejħa ż-żgħira fuq in-naħa tal-lemin.

Fuq wara tal-parti ż-żgħira hemm park fuq għolja li hu moqdi minn tramm/funikular. Dan hu l-Petrin Park, ġnien sabiħ u kwiet mnejn tista' tara aktar veduti spettakolari. Hemm torri qisu verżjoni żgħira tat-Torri Eiffel, u minn fuqu ġġib anki l-kastell ta' Praga taħtek. Gianluca infatti rrimarka meta tlajna fuq li konna qegħdin 'ogħla minn kullimkien'. Fl-istess park hemm ukoll kappella, osservatorju astronomiku, u labirint tal-mirja, minbarra l-ġnien innifsu.

Sabiħa Praga, nerġa' ngħid. Ma niddejjaq xejn kieku kelli nerġa' mmur...

Friday, May 14, 2010

Praga (2)

Konna drajniha r-rutina fi Praga. Biex nibdew ikla zalzett, bejken u bajd fost ħafna affarijiet oħra, niġbru xi affarijiet, mapep, liflits, ġakketta kontra x-xita, kamera u ktieb, u noħorġu 'l barra.

Dawra ma' kantuniera waħda, u f'affari ta' ħames minuti nsibu ruħna ħdejn il-metro. Nixtru biljett kull wieħed - li b'4 ewri jtik id-dritt tirkeb għal ġurnata sħiħa, kemm trid u fejn trid fuq in-netwerk eċċellenti ta' trasport pubbliku li jkopri tista' tgħid il-belt kollha - u ninżlu bl-eskalejter biex nirkbu l-metro li jmiss lejn iċ-ċentru.

Aktar mill-veduti, il-bini monumentali, il-knejjes, u l-atmosfera tal-post, kien l-effiċjenza tat-trasport pubbliku l-aktar li impressjonani hawnhekk. Kull m'għandek bżonn ikollok hija mappa bil-linji differenti tal-metro (tlieta - il-linja ħamra, is-safra u l-ħadra), tat-tramms u tal-karozzi tal-linja. Lanqas hemm bżonn tkun taf il-ħinijiet daqs kemm huma spissi. Anki wara nofsillejl jipprovdu servizz kull nofs siegħa. Tista' tixtri biljett għal vjaġġ wieħed (inqas minn ewru), jew diversi possibbiltajiet għal żminijiet itwal. Karozza kull m'għandek bżonnha biex tagħmel ix-xirja. Mhux li kienu l-awtoritajiet Maltin jistudjaw u jikkupjaw is-sistema li hemm fi Praga, bil-metro b'kollox...

Bis-serjetà, kien għalija parti mill-gost kemm domt hemm li nuża n-netwerk tat-trasport li għandhom biex immur minn banda għall-oħra. Parti mill-attrazzjoni għalina kienet logħba li ħloqna għal waqt li nkunu telgħin jew neżlin bl-eskalejter. Dawn it-turġien huma ġeneralment twal sew, m'għola xi 4 sulari jew aktar, u jekk tiċċassa fiss fid-direzzjoni tal-mixi faċli timmaġina li fil-fatt miexi orizzontalment minflok tiela' jew nieżel. Fuq l-eskalejter tal-maġenb sadattant ikun hemm nies oħra mexjin fid-direzzjoni l-opposta, imma dawn tisħajjilhom qishom mgħawġin lura, jew 'il quddiem, f'anglu impossibbli. Nogħxew konna bid-daħq!

Fir-ritratt ta' fuq tidher waħda mill-ewwel xeni li rajna malli xrifna fiċ-ċentru ta' Praga, mill-ewwel fil-pjazza ta' Wenceslas, għaċ-Ċeki wieħed mill-bnadi fejn seħħew fost l-aktar avvenimenti storiċi, speċjalment dawk reċenti. Dan hu rappreżentazzjoni, f'nofs il-pjazza, ta' xena fost l-aktar komuni li tara fi Praga - it-tramm. Jista' anki kien tramm ta' veru xi darba, li issa dawruh f'kafetterija. Ir-ritratt tax-xellug ħadtu minn fuq il-Henry's Bell Tower. Dehrli li jkun xieraq nistenna sakemm jitfaċċa tramm qabel niġbdu. Ma tantx kelli bżonn nistenna!

Imma mnalla ma domniex aktar minn ftit ġranet, għax baraxx kolesterol kull filgħodu mhix idea daqshekk tajba...

Tuesday, May 11, 2010

Praga (1)

Aħna u nesploraw Praga u nammiraw il-bini monumentali li hawn f'dil-belt, f'daqqa waħda xegħlet f'moħħi realizzazzjoni li fil-fatt kienet ilha fis-subkonxju. Imma kellha tkun żjara f'waħda mill-kwantità kbira ta' knejjes sbieħ li hawn, fi Praga u f'tant postijiet oħra anki f'Malta, biex mis-subkonxju r-realizzazzjoni tgħaddi għall-konxju.

Li rrealizzajt huwa dan. Il-knisja parrokkjali f'Tal-Ibraġ hija probabbilment, anzi kważi fiċ-ċert, l-aktar knisja kerha li hawn fid-dinja.

Thursday, May 6, 2010

Il calcio italiano sul satellite: stendiamo un velo pietoso...

Ilbieraħ kien hemm il-final tal-Coppa Italia. Bħas-soltu f'dawn l-aħħar snin kienet bejn ir-Roma u l-Inter. Il-logħba ntlagħbet erbat ijiem biss wara li l-Inter prattikament rebħu l-Iscudetto, a spejjeż tar-Roma. Dan billi rebħu kontra l-Lazio, b'dawn tal-aħħar jitilfu apposta biex żgur l-Iscudetto jirbħuh l-Inter u mhux ir-Roma. Tista' timmaġina allura f'liema atmosfera ta' sportività ntlagħbet il-logħba tal-bieraħ. Eluf ta' aġenti ta' pulizija kontra l-irvellijiet, it-toroq kollha lejn l-Olimpico ta' Ruma magħluqa għat-traffiku, tiftix fl-inħawi ta' madwar l-Olimpico. Partijiet mill-istadium vojti biex it-tifosi jkunu l-bogħod minn xulxin. Atmosfera ta' gwerra.

Il calcio è un gioco, jgħidulek. Lo sport più bello del mondo. Il campionato più bello del mondo. Għas-superlattivi ħadd ma jgħaddihom kieku.

Il-final kienet mimlija daqqiet ta' sieq, provokazzjonijiet, kien hemm invażjoni tal-grawnd. Spettaklu tal-mistħija. Il-logħba ntweriet diretta fuq ir-Rai Uno, imma fl-Italja biss (u, ma nistax nifhem kif, f'Malta wkoll). Bis-satellita, bħal ma jiġri spiss meta juru xi logħba football, it-trasmissjoni kienet kriptata - skrin iswed.

Ma ttihomx tort. Spettaklu bħal dak ħasbuha tajjeb li jiċċensurawh. Bit-Taljan jgħidulu "stendiamo un velo pietoso".

Wednesday, May 5, 2010

The hardest part of a marathon

Marathon day is now just four days away. All that remains is a thirty minute easy run on Friday, just to keep the good old leg muscles going. Then I can look forward to the next run, which will be the big one on Sunday in Prague.

Except that this time the good old leg muscles have failed me. Since several weeks I have an injury in my left hamstring, and it seems it will last forever. It's so frustrating, more so now that the days are getting longer, the weather is ideal for running, the racing season is well under way, and all I can do is rest, wait until I'm completely recovered, try not to gain too much weight, and hope I don't lose all the fitness achieved through such careful build-up and so many long, long runs,.

All the while, the registration is still in place. We're going to Prague. I could theoretically take part in the marathon; in fact I'm still receiving emails on the event from the organisers. But I have hardly run at all since several weeks, and it still hurts whenever I do try to run. So there's no point in turning up at the start - it would be a painful experience, it would only make my injury worse, and this time, unlike October 2007 in Brussels, I'll never pull off a miracle and complete the distance. No. I'll stay at the hotel, eat breakfast and gain a bit more weight.

I've said it before, and I'll say it again: the hardest part of a marathon is getting to the starting line.

There's a silver lining. When I start all over again my motivation to do well will be double what it was in January.

Tuesday, May 4, 2010

Mamma mija!

Kont qed inqalleb fuq l-Internet u ttawwalt fil-Malta Today. Hemm ritratt ta' dak li jrid fi żmien tliet snin oħra jsir id-deputat Prim Ministru ta' Malta. Ngħidilkom, għeżież żewġ qarrejja, impressjonajt ruħi.

Ħsibtha anki li naqsam magħkom din l-impressjoni qawwija li ħalla fuqi r-ritratt. Imma mbagħad ħsibt, bejni u bejn ruħi... għadni wisq ferħan bid-dehra l-ġdida tal-blogg, u tkun ħasra jekk wara r-ritratt li tant għandi għal qalbi ta' taqbida ta' għeruq fix-Chateau de La Hulpe, li qed veru jsebbaħ il-blogg malli tidħol fih, ikolli npoġġi minfloku xi ħaġa li, bir-rispett kollu... ħmmm.

U ddeċidejt li aħjar nillimita ruħi għal-link.

Sunday, May 2, 2010

Il-Parc de La Hulpe

Hawnhekk il-Parc de La Hulpe, fl-aħħar parti tax-xitwa, meta kienet qed tbatti l-morsa ta' kesħa u borra li fix-xitwa li għaddiet damet ix-xhur. Meta l-pajjiż ikun miksi bil-borra nħobb immur niġri l-ġirja t-twila tiegħi tal-weekend hawnhekk. Ikun hemm pajsaġġ spettakolari, imma għad ma rnexxilix nieħu ritratt tal-post miksi bil-borra. Kont naf li qed idub kollox u mort nipprova niġbed xi ritratti qabel ma jkun tard wisq. Imma diġà kien tard wisq għax is-silġ kien dab ħafna minnu, u li sibt minfloku kien it-tajn. Issa jonqosni nistenna mill-inqas sena biex niġbed ritratt tal-Parc de La Hulpe taħt il-borra. U frankament, m'għandi l-ebda għaġla biex tasal ix-xitwa.

Minflok irnexxieli niġbed dan, wieħed mir-ritratti favoriti tiegħi. Minbarra taħt il-borra, għad irrid ninzerta wkoll il-ħarifa bil-kamera hawnhekk, speċjalment jekk tkun xi għodwa biċ-ċpar ħiereġ mill-ilma tal-għadajjar. Wisq sabiħ ikun.