Monday, August 30, 2010

Ħarġet il-proklama: "Sono pronto a giocare"

Del Piero xeħet l-għeruq fil-Juve, u ara min ifettillu jheddidlu postu fit-tim għax itellquh 'l hemm bil-garanzija.

L-ewwel vittma tiegħu kien il-ġenju tal-futbol Taljan per eċċellenza Roberto Baggio. Aqtagħlu rasu. Għal mal-Milan.

Ftit wara kien imiss lil Thierry Henry, li dam b'kollox tliet xhur mal-Juve qabel ma rregalawh lill-Arsenal, fejn kellu karriera ta' suċċess straordinarju.

Filippo Inzaghi kien qed jiskorja wisq gowls mal-Juve, ħafna iktar minn Del Piero li bilkemm kien qed isib ix-xibka. Mela tajru 'l hemm! Irregalawh lill-Milan, fejn għaxar snin wara għadu jiskorja l-gowls...

Aktar vittmi ta' Del Piero... Fabrizio Miccoli, sar ir-re ta' Palermo. Diego Ribas da Cunha, ma setax jaqbad art, u għax dis-sena fl-aħħar sabulu post tajjeb fejn seta' jilgħab tajjeb, proprju minflok Del Piero - ĊLAQQ! Aqtagħlu rasu. F'affari ta' ġimgħa eżiljawh għall-Ġermanja.

Is-sena l-oħra, diżastruża għall-Juve, kienet bdiet mhux ħażin. Del Piero kien imweġġa', u minfloku kien qed jilgħab Sebastian Giovinco. Sa Jannar kienu fit-tieni post ftit punti biss wara l-Inter. Imbagħad ħarġet il-proklama tal-Prinċep: SONO PRONTO A GIOCARE. Prattikament kienet sentenza tal-mewt għal Giovinco li spiċċa bilkemm lagħab logħba oħra wara. Minn dak il-mument bdiet il-kriżi - telfa wara l-oħra wara l-oħra - spiċċaw fis-seba' post, u tim bla logħob u bla karattru.

Lil Giovinco, żgħażugħ promettenti Juventin minn tfulitu, dabbrulu rasu wkoll. Issa sab lil min jafda fih, il-kowċ tal-Parma, u fl-aħħar jista' joħroġ it-talent pur tiegħu dal-plejer. Għall-ġid tiegħu, ħadt gost li telaq u mar fejn jista' jesprimi t-talent kbir li għandu.

U l-Juve kuntenti għax għandhom in-nannu Del Piero jikser ir-rekords, li għandu naturalment dritt sagrosant jilgħab għad-90 minuta sħaħ, anki jekk kull ma jagħmel hu li jaqa' mal-art kull meta jkollu l-ballun f'saqajh.

Iblah

Jien iblah. Noqgħod ninkedd u ninkwieta fuq ħaġa li m'għandix kontroll fuqha u li bl-ebda mod ma tista' tirrifletti ikrah fuqi.

Ilbieraħ il-Juventus kellhom l-ewwel logħba tal-kampjonat. Wara sena diżastruża konna qed nittamaw li dis-sena se tkun differenti. Għamlu rivoluzzjoni fit-tim, xtraw kważi biex tgħaqqad tim ġdid, ħlief għan-nannu Del Piero li sfaw vittmi tiegħu żewġ rivali oħra għal postu - il-Brażiljan Diego u t-talent żagħżugħ promettenti Sebastian Giovinco. Issa Diego bagħtuh jilgħab il-Ġermanja, u skorja fl-ewwel logħba li lagħab hemmhekk, u Giovinco tellquh mal-Parma, fejn l-ewwel logħba tiegħu wera logħob tal-meravilji u rebbaħhom il-logħba waħdu.

U l-Juve? Bir-rivoluzzjoni kollha fit-tim, bil-plejers ġodda kollha li ġabu, il-kowċ ġdid, id-diriġenza ġdida... kważi kollox inbidel, barra Del Piero u r-riżultat. Reġgħu tilfu kontra l-Bari, u telfa mistħoqqa wkoll.

Kemm irrabjajt! X'saħta waqgħat fuqna, ktibt fuq il-Facebook, fost kliem baxx tat-tip &*^$€ kontra l-awtur tal-konfoffa li ġabet lill-Juve fi stat tal-biki li donnhom ma jistgħux iqumu minnu. Imma issa, qed ngħid... għaliex għandi noqgħod ninkedd jien minħabba fihom dawn? Dawn il-paga xorta qed joħduha, u paga tajba wkoll. Kollha miljunarji.

Mela ħallihom iħawdu kemm iridu. Jien x'għandi x'naqsam?

Friday, August 27, 2010

Awwissu

Ma nistax għalih 'l Awwissu. Qatt ma kien jogħġobni, u lanqas issa ma biddilt l-idea.

Meta kont ngħix Malta, f'dax-xahar dejjem kont irrid naħrab minn hemm u mir-riħ isfel umdu mħallat mas-sħana, insopportabbli. Kont inkun imxarrab bl-għaraq fuq bażi permanenti, anki wara li nieħu xawer u nixxotta, sekonda wara nerġa' għarqan kolli nwaħħal ma' kullimkien. Għallinqas ħlist minnha dik.

Imma hawnhekk fil-Belġjum mhux li hawn xi pjaċir esaġerat bħal daż-żmien... kulħadd jitlaq 'l hemm bil-vaganzi, fl-aħbarijiet ma jiġri xejn, futbol għadu ma bediex proprja, u x-xogħol l-uffiċċju vojt, ma tara kważi 'l ħadd. U minflok sħana u umdità għandna ġranet griżi kważi kuljum, bil-monotonija tinkiser biss b'xi bexxa xita kultant...

Qatt ma ħmiltu Awwissu. Iġri jgħaddi.

Sunday, August 22, 2010

Il-Barrakka ta' Fuq


Issa apparti d-divorzju u l-isplużjonijiet tal-logħob tan-nar. Hemm postijiet wisq sbieħ f'Malta, u wieħed minn dawn huwa l-Barrakk ta' Fuq. Il-veduta fuq il-Port il-Kbir minn hemm hija tal-għaġeb. Imma ftit napprezzaw il-ġnien innifsu, u hawnhekk dawwart dahri lejn il-port, u rajt jitfaċċa qamar ġdid f'sema qed ibexbex, sfond perfett għall-obelisk li jinsab eżatt quddiem fejn kien - u forsi, nispera, se jerġa' jkun - il-lift tal-Barrakka.

Poġġejna nitkellmu, min xtara krips, min ħa sajder jew luminata, ftit karawett, it-tfal ħadu ġelat... nitpaxxew bil-frisk tas-sajf Malti filgħaxija. Aħna u ħerġin mill-ġnien biex immorru d-dar laqtitni xitla kkulurita mixgħula bi spotlajt. Għoġobni r-ritratt kif ħareġ:

Friday, August 20, 2010

It's a sin...

Ara x'qalilna wieħed Anton Gouder, imlaħħaq sew fil-Kurja, kif irrappurtat fit-Times of Malta tal-bieraħ:

"A convinced Catholic who voted in favour of divorce would be going against Christ’s teachings and this was a sin, the Curia’s Pro-Vicar said during an interview on church radio RTK."

Dan apparti skoss argumentar pwerili ieħor, inkluż diversi drabi meta rrefera għal "pajjiżi li introduċew id-divorzju", daqs bħallikieku hemm xi pajjiżi li fil-fatt ma introduċewhx. Sur Gouder, nimmaġina m'intix injurant, u allura jkolli naħseb li qed tipprova tqarraq bil-fidili, għax fil-fatt id-divorzju fid-dinja kollha daħal!

Imma ħa ngħaddu għall-argument ta' seħibna li l-aktar laqat l-immaġinazzjoni tal-Maltin - il-biċċa xogħol li min jivvota favur id-divorzju jkun qed jagħmel dnub. U jikkwota lil Kristu dan. Erġajna, wieħed għandu linja diretta għal moħħ Alla, issa dan qed idaħħal lil Kristu fi kwistjoni fejn m'għandu x'jaqsam xejn.

Kristu kien għamilha ċara, li r-reliġjon u l-istat m'għandhomx jindaħlu wieħed lill-ieħor. "Agħti lil Ċesare dak li hu ta' Ċesare, u lil Alla dak li hu ta' Alla." Hawn m'aħniex qed nitkellmu fuq iż-żwieġ nisrani. Dik ċara, iż-żwieġ nisrani ma jinħallx. Voldieri, kieku jidħol id-divorzju fl-aħħar rokna li għad fadal fid-dinja fejn dan għadu ma jeżistix (taqta' barra r-repubblika tal-banana magħrufa bħala l-Filippini), huwa ċar li ħadd ma jkun jista' jiddivorzja biex imbagħad jerġa' jiżżewweġ bir-rit nisrani. Dik ovvja. (Almenokè ma jkunx ħa d-divorzju - sori! l-annullament - mingħand il-Kurja stess...).

Mela fuq xiex qed nitkellmu eżattament? F'għajnejn l-istat, iż-żwieġ huwa patt ċivili bejn żewġ persuni, f'Malta bilfors ta' sess oppost minn xulxin. Bid-divorzju dan il-patt ċivili, iż-żwieġ ċivili, jinħall. Wara li jsolvu bejniethom it-taħbila ta' x'isir mit-tfal u mill-assi tal-koppja - taħbila li teżisti diġà bħalissa meta koppja jisseparaw - iż-żewġ naħat ikunu liberi li jerġgħu jiżżewġu. Ovvjament, nerġa' ngħid, dan it-tieni żwieġ impossibbli li jkun żwieġ nisrani, għax f'għajnejn il-Knisja l-iddivorzjati xorta jkunu għadhom miżżewġin. Imma f'għajnejn l-istat dawn issa m'għadhomx miżżewġin, u jistgħu liberament jiżżewġu bir-rit ċivili.

Mela fejn jidħol id-dnub f'dan kollu? Għax jgħixu bħala koppja miżżewġa (kif fil-fatt ikunu) mingħajr ma għamlu s-sagrament taż-żwieġ? OK, veru. Imma dan id-"dnub" ilu jsir f'Malta minn meta fl-1975 daħal iż-żwieġ ċivili. Jiġifieri bid-divorzju fejn konna bqajna fejn jidħlu dnubiet - l-istat diġà jippermettihom. Is-separazzjonijiet diġà qed isiru, u l-ebda Kurja ma tista' twaqqafhom. Bid-divorzju, l-isseparati jistgħu jerġgħu jiżżewġu bir-rit ċivili. Fil-fatt dan ir-rit ċivili diġà ntuża minn eluf ta' koppji f'Malta. F'għajnejn il-Knisja Kattolika dawn kollha qed jgħixu "fid-dnub", imma dik affari tagħhom, bejn il-kuxjenza tagħhom u l-alla tagħhom, jekk għandhom. Affari tagħhom, u tal-ebda Gouder.

Issa dal-povru votant, li qed jiġi mhedded b'eternità fl-infern (sakemm ma jqerrx, issa ngħaddi għaliha din), jekk jivvota favur id-dħul tad-divorzju f'Malta, x'inhi eżattament il-ħtija tiegħu? Dan mhux qed jiddivorzja, mhux qed jgħix ta' miżżewweġ bla sagrament, qed jgħix ħajja ta' nisrani eżemplari, imma... qed jagħmilha possibbli lil min irid jgħix ħajtu mod ieħor biex ikun jista' jagħmel hekk, legalment. Jew issa wieħed mill-obbligi tan-nisrani saret li jrid iġiegħel lil kulħadd jgħix ħajja ta' nisrani bħalu? Kien mingħalija li tgħix ħajja tajba nisranija hija għażla libera, imma mhux skond is-Sur Gouder...

Imma għad fadal tama għal dan il-povru votant: "If a person repents and goes to confession, all sins can be forgiven. If someone steals from his workplace and during confession promises to stop doing so and redeem the stolen goods, I will absolve his sins and he will be able to receive communion".

Voilà, problema solvuta! Jista' jivvota favur id-divorzju, u mbagħad iqerr. Dnubietek maħfura. U b'hekk neliminaw il-biża' ta' xi ġlieda politiko-reliġjuża oħra, meta fis-snin 60 lin-nies kienu jiskomunikawhom għax jivvotaw lil-lejber. Ejja, wara nofs seklu għamilna pass 'il quddiem. Jaħfrulna dnubietna.

Wednesday, August 18, 2010

Ġidra irresponsabbli

"Fireworks are my addiction... and we are all at God's mercy", qalilna wieħed minn dawn il-fanatiċi tal-isparar tal-bombi, li tant iwerwru tfal u trabi, u joħolqu miżerja għan-nies morda u inkonvenjent għan-nies normali li jixtiequ jgħixu ħajjithom bil-kwiet fi djarhom.

Das-sinjur miżżewweġ, u martu qed tistenna tarbija. Imma għalih l-importanti d-delizzju, anzi fi kliemu stess vizzju, dipendenza bla kontroll, fuq l-isparar tal-bombi. Lest jissogra ħajtu, iħalli lil martu armla u lit-tarbija li għadha lanqas rat id-dawl iħalliha ltima - basta jissodisfa l-vizzju tal-isparar tal-bombi.

U jekk hu jew sħabu jħawdu xi waħda, u jispiċċa mtajjar m'għola s-sema b'xi splużjoni milli xbajna nisimgħu? Ma jkunx tort it-traskuraġni, l-injoranza u n-nuqqas ta' responsabbiltà tiegħu u ta' sħabu. Le, it-tort ikun ta' Alla, skond dan.

Ara x'raġunar bażwi ħarġilna bih. Jaf li qed jissogra, imma anki min isuq karozza qed jissogra. Anki fuq ix-xogħol hemm min imut, imma xorta jibqgħu jaħdmu n-nies, u jsuqu l-karozzi.  Jiġifieri skond dan l-għaref in-nies imorru x-xogħol u jivvjaġġaw bil-karozza biex jissodisfaw vizzju bla rażan, għal kapriċċ. Nistgħu ngħaddu mingħajr ma mmorru x-xogħol jew nivvjaġġaw minn post għal ieħor, skond dan l-għaref.

Prosit eh. Imbagħad injorant ġidra irresponsabbli bħal dan jafdawh u jagħtuh liċenzja biex joqgħod jilgħab bl-isplussivi u bil-bombi.

L-aqwa li nsalvaw it-tradizzjoni.

Saturday, August 14, 2010

Naqra sinsla, xi ħadd?

Kull ftit xhur il-logħob tan-nar qed iħalli l-vittmi. Irġiel, missirijiet fl-aqwa ta' saħħithom qed iħallu lin-nisa tagħhom romol, lil udielhom iltiema, familji mfarrka, ħajjiet devastati, kollox għal ġieħ id-'delizzju', it-tradizzjoni, u għall-festa tar-raħal.

Kull sena, kull sajf, kull weekend, il-logħob tan-nar u speċjalment il-murtali tal-bomba jwerwru lit-tfal żgħar, iġennu lin-nies morda fi djarhom jew l-isptar, jaqtgħu minn ġewwa lil nies normali li qed jgħixu ħajjithom bil-kwiet bla ma jagħtu fastidju lil ħadd. Kollox għal ġieħ il-festa tar-raħal.

Ma nafx jien. Iparlaw tant fuq morali... Dawn l-affarijiet ma jarawhomx immorali l-awtoritajiet tal-knisja? Fetħu kruċjata kontra d-divorzju għax se jkisser il-familji (meta l-familji diġà jkunu fil-fatt imfarrka); it-tifrik tal-familji kkaġunat bil-logħob tan-nar, il-ħsad ta' ħajjiet fl-aqwa tagħhom, kollox f'isem il-festi reliġjużi, dawn ma jtuhomx fastidju? Ma jqisuhiex immorali l-miżerja li qed tinħoloq b'dawn il-misħutin bombi?

Il-festi sbieħ, imma m'hemmx għalfejn imutu n-nies minħabba fihom, u jkunu ħafna isbaħ mingħajr dan l-istorbju u splużjonijiet vjolenti bla sens.

Ejja Pawl, minnek tiddependi din. Kuraġġ, urina li għandek aktar sinsla mill-awtoritajiet ċivili ta' Malta kollha kemm huma. Meta kien hemm bżonn il-knisja ġieli ħarġet digrieti li fit-tali u t-tali post ma ssirx festa esterna. Bl-istess mod tista' toħroġ digriet li l-logħob tan-nar ma jiġġustifikax dan it-telf kollu ta' ħajjiet, u għandu jinqata'. Forsi fl-aħħar tkun għamilt xi ħaġa għall-ġid, għax s'issa ħlief daħq u tbissim għadna ma rajniex mingħandek.

Friday, August 13, 2010

Viva t-tradizzjoni

Splużjoni enormi llum heżżet lil Malta. Mhix ċajta din, l-aħwa: Malta, kollha kemm hi, pajjiż sħiħ minn tarf sa tarf, mheżża minn splużjoni kkawżata mill-misħuta "tradizzjoni" tal-logħob tan-nar.

Ma jistax ikun nibqgħu sejrin b'dal-ġenn. Imma kulħadd jaf li fil-fatt se nibqgħu sejrin b'dal-ġenn. Issa skoss paroli, forsi noħolqu xi kummissjoni oħra biex tistudja s-sitwazzjoni tal-logħob tan-nar, "waqt li niżguraw li jibqa' salvagwardat id-delizzju tradizzjonali Malti tal-logħob tan-nar", ħafna talb u appelli għall-moderazzjoni, u nkomplu għaddejjin eżatt kif konna qabel, nistennew sakemm tasal l-isplużjoni li jmiss.

X'marru jagħmlu fuq il-post l-aġent prim ministru, l-arċisqof emeritus, id-depjutilider tal-lejber, skoss segretarji parlamentari, il-wipp tal-PN, u kwantità kbira ta' dinjitarji oħra? Ġabru t-tifrik tal-isplużjoni u qegħduhom lura f'posthom? Misshom baqgħu jieħdu s-sjesta d-dar jew fl-uffiċċju, mhux immorru WARA li seħħ il-fatt, wara li ħadd ma kien għamel assolutament xejn biex tiġi evitata traġedja bħal din, immorru biex isemmuna fil-gazzetta u nidhru fuq it-television.

Issa qed jaħsbuha għandhomx iħassru l-festa tal-Mosta li suppost kienet se ssir fil-jumejn li ġejjin. Għadhom lanqas minn dik m'huma ċerti. Ħeqq, jintilef ħafna biżnis hu...

Thursday, August 12, 2010

Grazzi Guido

L-ewwel darba li sirt naf bi Guido de Marco kien fil-bidu tas-sebgħinijiet. Kellu xi 42 sena, u kienu ġabu ritratt tiegħu fil-gazzetta, qed jiġi kkunslat mill-kap tal-PN Ġorġ Borg Olivier wara li l-pulizija qasmulu rasu b'daqqa ta' lembuba... talli kien qed jieħu sehem f'ċelebrazzjoni ta' Jum l-Indipendenza. Dak iż-żmien, biex tiċċelebra l-indipendenza ta' Malta kienet kważi xi ħaġa klandestina, semi-illegali, sfida kontra r-reġim. Kienu jgħajruk xewwiexi, traditur, għadu tal-ħaddiem. U tissogra li taqla' xi xebgħa, bil-barka jekk mhux ukoll bis-sehem attiv tal-pulizija.

Kienet immaġini li baqgħet stampata f'moħħi, u għadha hekk sal-lum. Minn dakinhar, u għal bosta snin wara, għalija Guido kien jissimboleġġa r-reżistenza għat-totalitarjaniżmu tal-gvern ta' Mintoff, u wara ta' Karmenu Mifsud Bonnici.

Għall-ewwel kien iddispjaċieni meta laħħqu lil Eddie, u mhux lil Guido, bħala kap tal-PN. Erħilha li wara biddilt fehmti u l-istorja żvolġiet kif jaf kulħadd.

Niftakar kif kien jindirizza lill-folla f'dawk is-snin memorabbli tar-reżistenza kontra r-reġim. Kienu jitkellmu ġeneralment tlieta wieħed wara l-ieħor - l-ewwel Louis Galea, imbagħad Guido u fl-aħħar Eddie. Guido kien jitla' fuq il-podju, u għall-ewwel ftit ma jgħid xejn, jibqa' għal kollox sieket. It-tgedwid ġenerali tal-folla jibda jonqos ftit ftit, u kulħadd jinduna li se jibda jitkellem Guido. It-tgedwid jispiċċa fix-xejn, u fis-silenzju kulħadd jistenna biex jisma' dik l-għajta kbira li għadha tidwi sal-lum f'moħħ tant eluf ta' Maltin:

"NAZZJONALISTI!"

U l-folla twieġeb, b'għajta li ttarrax! Għadu s'issa jaqbadni t-tkexkix meta niftakar.

Kif għadda ż-żmien. U maż-żmien inbidlu l-personaġġi, inbidlu ċ-ċirkostanzi, u nbdilna aħna. L-ideali, il-ħolm, il-viżjoni, saru parti mill-istorja. Konna għadna żgħar, u tkun żgħir tara kollox iswed u abjad. Imma wara tinduna li l-iswed u l-abjad fil-fatt huma griż skur jew aktar ċar, u mhux biss anzi hemm anki tant kuluri differenti...

Il-kelma nazzjonalist lili ddejjaqni. Inqisni minn kollox barra nazzjonalist. Li kien għalija d-dinja pajjiż wieħed, u ma jeżistux nazzjonijiet. Imma jibqa' l-fatt li politikament trabbejt u ġejt imsawwar fis-snin sebgħin u tmenin, u dawk is-snin għamluni Nazzjonalist, fis-sens ta' membru kburi tal-ġlieda għal-libertà u d-demokrazija f'Malta. U wieħed mill-figuri ta' quddiem nett ta' dak il-moviment kien Guido de Marco.

Grazzi Guido. Minn hawnhekk insellimlek.

Wednesday, August 11, 2010

The swin(e)dle of the century

Swine flu pandemic officially over, according to the World Health Organisation, said the Times of Malta today.

Ah, yes, we may go out and about again, without fearing catching the "deadly" virus that has a lower fatality rate than normal influenza...

The relief!

Indeed.

I loved the following reader's comment: "Over the past decade we've covered cows, birds, pigs...I think the next one should be about horses, sheep or goats. We could give it a catchy name like mad-cow, so that gullible people will be even more impressed as they watch the news updates every evening about this new thing they are being told to fear and waste money on. I was thinking something in the lines of Sheep Armageddon F1H2. News reporters could even do things like say 'Folk, its looking really baaaaaaaaaaaaad so far'. Perfect." (David Captur)

I loved the following reaction to the above comment even more: "You are being most probable sarcastic."

Now was he really, I wonder...? It made my day :-))

Wednesday, August 4, 2010

Min qalilhom lil dawn?

Kif semmejt diġà, ma rridx nidħol fl-argument favur jew kontra d-divorzju. L-argument ilu li ġie konkluż fis-sekli l-imgħoddija, ħlief għal f'żewġ repubbliki tal-banana, li fortunatament huma insinifikanti f'perspettiva dinjija daqs kemm hi qatra fl-oċean. Anki l-Knisja Kattolika saret tikkonċedi d-divorzju formalment, imma ssejjaħlu b'isem differenti - annullament.

Li xtaqt nikkummenta hawnhekk hu dwar żewġ spunti fost il-ħafna li tqanqlu permezz tal-famuża Private Member's Bill ta' Jeffrey Pullicino Orlando.

L-ewwel waħda hi l-kwistjoni tar-referendum. Esponenti għolja tal-gvern - li mhux b'kumbinazzjoni huma qatta' bla ħabel kontra d-dħul tad-divorzju f'Malta - qed jagħtu x'wieħed jifhem li l-kwistjoni għandha diġà riżolta b'referendum. Probabbli jxommuha li, anki minħabba l-influwenza kbira li għandha l-Knisja Kattolika fuq l-elettorat Malti, il-maġġoranza tivvota le.

Imma din l-idea hi demokratikament skorretta - ikun referendum fażull ieħor! Għaliex liġi li tirregola s-sitwazzjoni ta' żwiġijiet falluti għandha tkun soġġetta għal referendum? Bl-istess raġunar allura kull liġi li toħroġ fil-pajjiż għandha tgħaddi b'referendum. Mela allura l-parlament għalfejn qiegħed, jekk mhux biex japprova l-liġijiet f'isem il-poplu? Dawn wara kollox rappreżentanti tal-poplu huma.

Allura, ngħid jien, id-dekriminalizzazzjoni tal-adulterju u tal-prattika omosesswali għaliex ma saritx b'referendum? U x'kien jiġri kieku fil-fatt sar referendum dwarhom? Ovvja! Kienu jibqgħu atti kriminali, għax il-maġġoranza ma taqbilx magħhom, u għax ir-reliġjon Kattolika ma tippermettihomx.

U hawn joħroġ tant ċar il-konfużjoni ġenerali, anki fost uħud mir-rappreżentanti tal-poplu, dwar id-distinzjoni bejn reliġjon u stat. Ħafna Maltin jippretendu li r-Repubblika ta' Malta għandha ġġib ruħha bħala xi kolonja tal-Vatikan. Ma jistgħux jifhmu li l-parlament Malti għandu jilleġisla f'isem l-istat u għall-poplu ta' Malta, u mhux f'isem xi reliġjon jew oħra. Kristu stess kien qal: "Agħti lil Ċesare dak li hu ta' Ċesare, u lil Alla dak li hu ta' Alla".

U dan iwassalni għat-tieni spunt. Appuntu. "Id-divorzju: Alla ma jridux". Hekk kitbulna b'ittri daqs dinja fuq kartellun f'Ħaż Żebbuġ. U kif jafu dawn? Kif jista' sempliċi bniedem jiddikjara daqshekk bla tlaqliq li jaf x'inhi r-rieda ta' Alla? Din x'megalomanija hi? Ma narax kif xi ħadd, hu min hu, li huwa inqas minn nitfa mqabbel ma' Alla, jista' jiġi jipproklama l-opinjoni ta' Alla b'daqshekk ċertezza.

Ma nafx, milli qaluli fuq Alla fil-fatt naħseb jixtieq il-ġid u l-kuntentizza għall-ħlejjaq tiegħu, u ma jixtieqx li n-nies jibqgħu priġunieri ta' żwiġijiet falluti għal ħajjithom kollha. Imma dak x'naħseb jien, u mhux se mmur inxandarha bħala r-rieda ta' Alla.

Wara kollox, la qbadniha fuq Alla, seħibna li kiteb fuq il-kartellun, għandi nifhem, jemmen li Alla tana moħħ biex naħsbu u nirraġunaw, u allura d-deċiżjonijiet li jaffettwawlna ħajjitna rridu noħduhom aħna b'mod raġunat, u mhux b'xi digriet ivvintat.

Nostalġija

Kwieta l-qiegħa bħalissa fil-gallarija, anki għax għaddejt l-isbaħ ġimagħtejn bla internet, u daż-żmien jekk ma jkollokx internet tkun qisek maqtugħ mid-dinja.

Terġa' kont (u għadni) bil-muża tal-vaganzi, u ftit li xejn ma qed jiġru affarijiet li jġiegħluni nikkummenta. Li noqgħod nargumenta fuq id-divorzju naraha ħaġa tal-mistħija. Inkredibbli li fl-2010 f'Malta għadhom jiddiskutu suġġett daqshekk skadut - mhux kif għandu jkun allura ta, imma jekk għandhomx jippermettuh... Pajjiż ridikolu mmexxi minn politiċi ridikoli, u jiddispjaċini ngħid bl-appoġġ ta' poplu... li ma jafx aħjar...

U allura, bejn kif għidt għax kont 'elettronikament' maqtugħ, u bejn għal nuqqas ta' muża, li għandi x'nista' nitfa' hawn huma ritratti ta' wħud mill-postijiet idillijaċi li mort ingawdi f'dawn l-aħħar ftit ġranet.


Hawnhekk id-Dwejra, probabbli l-aktar post spettakolari fejn wieħed jista' jmur jgħum fil-gżejjer Maltin. Ma nafx tistax issejħilha bajja, għax imdawra kollha bl-irdum ħlief għal dir-roqgħa li tintlaħaq bit-taraġ u għall-bokka li tagħti għall-baħar miftuħ, parti minnha magħluqa bil-famuża Blata tal-Ġeneral. Tkun tgħum f'nofs din il-wesgħa ta' baħar ċar, frisk u nadif u mdawwar b'dan ix-xenarju hija sensazzjoni tal-għaġeb!


Il-pensinsula ta' Delimara fiha, mhux wieħed, imma tlieta jekk mhux aktar bajjiet ukoll mill-isbaħ. Ibda mill-favorita tiegħi l-Ħofra l-Kbira fi Xrobb l-Għaġin, tkompli b'St Peter's Pool, kif ukoll din tar-ritratt, Delimara proprja (magħrufa wkoll bħala l-Kalanka). Kollha diffiċli biex jintlaħqu - ħaġa komuni għall-postijiet kollha li qed insemmi hawnhekk, forsi għalhekk baqgħu daqshekk sbieħ, u għalhekk issib daqshekk kwiet u serħan. Did-darba sibtu terġa' aħjar mis-soltu hawn, għax il-bokka magħluqa minn naħa għall-oħra b'ħabel biex ma jidħlux bċejjeċ tal-baħar 'il ġewwa fejn jgħumu n-nies. Prosit u grazzi lill-Awtorità Marittima.


Waħda mill-isbaħ ġranet tagħna bħala familja dis-sena. Hawnhekk fejn jiltaqgħu id-daħla ta' Mġarr ix-Xini, erġajna Għawdex, u daħla żgħira maġenbha, imsejħa Ta' Kantra. Għal darb'oħra, sħana tremenda, baħar lixx kważi ħġieġ, ilma nadif, bram xejn (bram? bram x'ikun?). Ġurnata qabel kont għumt sal-blata u lura. Ġennata, għax fil-fatt ħafna aktar il-bogħod milli tidher. Wara r-ritratt, birra u snack, qabża oħra l-baħar, u lura Ta' Ċenċ nistrieħu. Ah xi ġmiel!

X'nostalġija diġà, lanqas ġimagħtejn wara. U mhux bilfors nostalġija? Id-data l-4 ta' Awwissu, it-temperatura 16-il grad, u nieżla x-xita. Fil-Belġjum, naturalment...