Del Piero xeħet l-għeruq fil-Juve, u ara min ifettillu jheddidlu postu fit-tim għax itellquh 'l hemm bil-garanzija.
L-ewwel vittma tiegħu kien il-ġenju tal-futbol Taljan per eċċellenza Roberto Baggio. Aqtagħlu rasu. Għal mal-Milan.
Ftit wara kien imiss lil Thierry Henry, li dam b'kollox tliet xhur mal-Juve qabel ma rregalawh lill-Arsenal, fejn kellu karriera ta' suċċess straordinarju.
Filippo Inzaghi kien qed jiskorja wisq gowls mal-Juve, ħafna iktar minn Del Piero li bilkemm kien qed isib ix-xibka. Mela tajru 'l hemm! Irregalawh lill-Milan, fejn għaxar snin wara għadu jiskorja l-gowls...
Aktar vittmi ta' Del Piero... Fabrizio Miccoli, sar ir-re ta' Palermo. Diego Ribas da Cunha, ma setax jaqbad art, u għax dis-sena fl-aħħar sabulu post tajjeb fejn seta' jilgħab tajjeb, proprju minflok Del Piero - ĊLAQQ! Aqtagħlu rasu. F'affari ta' ġimgħa eżiljawh għall-Ġermanja.
Is-sena l-oħra, diżastruża għall-Juve, kienet bdiet mhux ħażin. Del Piero kien imweġġa', u minfloku kien qed jilgħab Sebastian Giovinco. Sa Jannar kienu fit-tieni post ftit punti biss wara l-Inter. Imbagħad ħarġet il-proklama tal-Prinċep: SONO PRONTO A GIOCARE. Prattikament kienet sentenza tal-mewt għal Giovinco li spiċċa bilkemm lagħab logħba oħra wara. Minn dak il-mument bdiet il-kriżi - telfa wara l-oħra wara l-oħra - spiċċaw fis-seba' post, u tim bla logħob u bla karattru.
Lil Giovinco, żgħażugħ promettenti Juventin minn tfulitu, dabbrulu rasu wkoll. Issa sab lil min jafda fih, il-kowċ tal-Parma, u fl-aħħar jista' joħroġ it-talent pur tiegħu dal-plejer. Għall-ġid tiegħu, ħadt gost li telaq u mar fejn jista' jesprimi t-talent kbir li għandu.
U l-Juve kuntenti għax għandhom in-nannu Del Piero jikser ir-rekords, li għandu naturalment dritt sagrosant jilgħab għad-90 minuta sħaħ, anki jekk kull ma jagħmel hu li jaqa' mal-art kull meta jkollu l-ballun f'saqajh.
1 comment:
ghandek ragun. imma certu players jaghmluhomm allat. nsomma tonio ahna blajna il benitiz. coach bi track record dizastruz imhallas il miljuni.
Post a Comment