Terġa' kont (u għadni) bil-muża tal-vaganzi, u ftit li xejn ma qed jiġru affarijiet li jġiegħluni nikkummenta. Li noqgħod nargumenta fuq id-divorzju naraha ħaġa tal-mistħija. Inkredibbli li fl-2010 f'Malta għadhom jiddiskutu suġġett daqshekk skadut - mhux kif għandu jkun allura ta, imma jekk għandhomx jippermettuh... Pajjiż ridikolu mmexxi minn politiċi ridikoli, u jiddispjaċini ngħid bl-appoġġ ta' poplu... li ma jafx aħjar...
U allura, bejn kif għidt għax kont 'elettronikament' maqtugħ, u bejn għal nuqqas ta' muża, li għandi x'nista' nitfa' hawn huma ritratti ta' wħud mill-postijiet idillijaċi li mort ingawdi f'dawn l-aħħar ftit ġranet.
Hawnhekk id-Dwejra, probabbli l-aktar post spettakolari fejn wieħed jista' jmur jgħum fil-gżejjer Maltin. Ma nafx tistax issejħilha bajja, għax imdawra kollha bl-irdum ħlief għal dir-roqgħa li tintlaħaq bit-taraġ u għall-bokka li tagħti għall-baħar miftuħ, parti minnha magħluqa bil-famuża Blata tal-Ġeneral. Tkun tgħum f'nofs din il-wesgħa ta' baħar ċar, frisk u nadif u mdawwar b'dan ix-xenarju hija sensazzjoni tal-għaġeb!
Il-pensinsula ta' Delimara fiha, mhux wieħed, imma tlieta jekk mhux aktar bajjiet ukoll mill-isbaħ. Ibda mill-favorita tiegħi l-Ħofra l-Kbira fi Xrobb l-Għaġin, tkompli b'St Peter's Pool, kif ukoll din tar-ritratt, Delimara proprja (magħrufa wkoll bħala l-Kalanka). Kollha diffiċli biex jintlaħqu - ħaġa komuni għall-postijiet kollha li qed insemmi hawnhekk, forsi għalhekk baqgħu daqshekk sbieħ, u għalhekk issib daqshekk kwiet u serħan. Did-darba sibtu terġa' aħjar mis-soltu hawn, għax il-bokka magħluqa minn naħa għall-oħra b'ħabel biex ma jidħlux bċejjeċ tal-baħar 'il ġewwa fejn jgħumu n-nies. Prosit u grazzi lill-Awtorità Marittima.
Waħda mill-isbaħ ġranet tagħna bħala familja dis-sena. Hawnhekk fejn jiltaqgħu id-daħla ta' Mġarr ix-Xini, erġajna Għawdex, u daħla żgħira maġenbha, imsejħa Ta' Kantra. Għal darb'oħra, sħana tremenda, baħar lixx kważi ħġieġ, ilma nadif, bram xejn (bram? bram x'ikun?). Ġurnata qabel kont għumt sal-blata u lura. Ġennata, għax fil-fatt ħafna aktar il-bogħod milli tidher. Wara r-ritratt, birra u snack, qabża oħra l-baħar, u lura Ta' Ċenċ nistrieħu. Ah xi ġmiel!
X'nostalġija diġà, lanqas ġimagħtejn wara. U mhux bilfors nostalġija? Id-data l-4 ta' Awwissu, it-temperatura 16-il grad, u nieżla x-xita. Fil-Belġjum, naturalment...
No comments:
Post a Comment