Kif semmejt diġà, ma rridx nidħol fl-argument favur jew kontra d-divorzju. L-argument ilu li ġie konkluż fis-sekli l-imgħoddija, ħlief għal f'żewġ repubbliki tal-banana, li fortunatament huma insinifikanti f'perspettiva dinjija daqs kemm hi qatra fl-oċean. Anki l-Knisja Kattolika saret tikkonċedi d-divorzju formalment, imma ssejjaħlu b'isem differenti - annullament.
Li xtaqt nikkummenta hawnhekk hu dwar żewġ spunti fost il-ħafna li tqanqlu permezz tal-famuża Private Member's Bill ta' Jeffrey Pullicino Orlando.
L-ewwel waħda hi l-kwistjoni tar-referendum. Esponenti għolja tal-gvern - li mhux b'kumbinazzjoni huma qatta' bla ħabel kontra d-dħul tad-divorzju f'Malta - qed jagħtu x'wieħed jifhem li l-kwistjoni għandha diġà riżolta b'referendum. Probabbli jxommuha li, anki minħabba l-influwenza kbira li għandha l-Knisja Kattolika fuq l-elettorat Malti, il-maġġoranza tivvota le.
Imma din l-idea hi demokratikament skorretta - ikun referendum fażull ieħor! Għaliex liġi li tirregola s-sitwazzjoni ta' żwiġijiet falluti għandha tkun soġġetta għal referendum? Bl-istess raġunar allura kull liġi li toħroġ fil-pajjiż għandha tgħaddi b'referendum. Mela allura l-parlament għalfejn qiegħed, jekk mhux biex japprova l-liġijiet f'isem il-poplu? Dawn wara kollox rappreżentanti tal-poplu huma.
Allura, ngħid jien, id-dekriminalizzazzjoni tal-adulterju u tal-prattika omosesswali għaliex ma saritx b'referendum? U x'kien jiġri kieku fil-fatt sar referendum dwarhom? Ovvja! Kienu jibqgħu atti kriminali, għax il-maġġoranza ma taqbilx magħhom, u għax ir-reliġjon Kattolika ma tippermettihomx.
U hawn joħroġ tant ċar il-konfużjoni ġenerali, anki fost uħud mir-rappreżentanti tal-poplu, dwar id-distinzjoni bejn reliġjon u stat. Ħafna Maltin jippretendu li r-Repubblika ta' Malta għandha ġġib ruħha bħala xi kolonja tal-Vatikan. Ma jistgħux jifhmu li l-parlament Malti għandu jilleġisla f'isem l-istat u għall-poplu ta' Malta, u mhux f'isem xi reliġjon jew oħra. Kristu stess kien qal: "Agħti lil Ċesare dak li hu ta' Ċesare, u lil Alla dak li hu ta' Alla".
U dan iwassalni għat-tieni spunt. Appuntu. "Id-divorzju: Alla ma jridux". Hekk kitbulna b'ittri daqs dinja fuq kartellun f'Ħaż Żebbuġ. U kif jafu dawn? Kif jista' sempliċi bniedem jiddikjara daqshekk bla tlaqliq li jaf x'inhi r-rieda ta' Alla? Din x'megalomanija hi? Ma narax kif xi ħadd, hu min hu, li huwa inqas minn nitfa mqabbel ma' Alla, jista' jiġi jipproklama l-opinjoni ta' Alla b'daqshekk ċertezza.
Ma nafx, milli qaluli fuq Alla fil-fatt naħseb jixtieq il-ġid u l-kuntentizza għall-ħlejjaq tiegħu, u ma jixtieqx li n-nies jibqgħu priġunieri ta' żwiġijiet falluti għal ħajjithom kollha. Imma dak x'naħseb jien, u mhux se mmur inxandarha bħala r-rieda ta' Alla.
Wara kollox, la qbadniha fuq Alla, seħibna li kiteb fuq il-kartellun, għandi nifhem, jemmen li Alla tana moħħ biex naħsbu u nirraġunaw, u allura d-deċiżjonijiet li jaffettwawlna ħajjitna rridu noħduhom aħna b'mod raġunat, u mhux b'xi digriet ivvintat.
No comments:
Post a Comment