Monday, August 30, 2010

Iblah

Jien iblah. Noqgħod ninkedd u ninkwieta fuq ħaġa li m'għandix kontroll fuqha u li bl-ebda mod ma tista' tirrifletti ikrah fuqi.

Ilbieraħ il-Juventus kellhom l-ewwel logħba tal-kampjonat. Wara sena diżastruża konna qed nittamaw li dis-sena se tkun differenti. Għamlu rivoluzzjoni fit-tim, xtraw kważi biex tgħaqqad tim ġdid, ħlief għan-nannu Del Piero li sfaw vittmi tiegħu żewġ rivali oħra għal postu - il-Brażiljan Diego u t-talent żagħżugħ promettenti Sebastian Giovinco. Issa Diego bagħtuh jilgħab il-Ġermanja, u skorja fl-ewwel logħba li lagħab hemmhekk, u Giovinco tellquh mal-Parma, fejn l-ewwel logħba tiegħu wera logħob tal-meravilji u rebbaħhom il-logħba waħdu.

U l-Juve? Bir-rivoluzzjoni kollha fit-tim, bil-plejers ġodda kollha li ġabu, il-kowċ ġdid, id-diriġenza ġdida... kważi kollox inbidel, barra Del Piero u r-riżultat. Reġgħu tilfu kontra l-Bari, u telfa mistħoqqa wkoll.

Kemm irrabjajt! X'saħta waqgħat fuqna, ktibt fuq il-Facebook, fost kliem baxx tat-tip &*^$€ kontra l-awtur tal-konfoffa li ġabet lill-Juve fi stat tal-biki li donnhom ma jistgħux iqumu minnu. Imma issa, qed ngħid... għaliex għandi noqgħod ninkedd jien minħabba fihom dawn? Dawn il-paga xorta qed joħduha, u paga tajba wkoll. Kollha miljunarji.

Mela ħallihom iħawdu kemm iridu. Jien x'għandi x'naqsam?

No comments: