Aktar ma jgħaddi żmien qed joħroġ ċar kemm sar impossibbli li referee u żewġ assistenti (it-tielet wieħed biex jirrita lill-kowċis biss qiegħed hemm) waħedhom ma jistgħux ilaħħqu mal-pass tal-logħba moderna. Qed naraw dejjem aktar żbalji kruċjali f'ħafna mil-logħbiet. Il-logħob aktar mgħaġġel, l-importanza tar-rebħ, l-isteriżmu esaġerat tal-protagonisti u d-diriġenti qed iġiegħlu lir-referees jitilfu ħafna mil-luċidità, bir-riżultat ta' ammont dejjem jikber ta' deċiżjonijiet ridikoli li jaffettwaw riżultati ta' logħbiet importanti.
Jekk iridu li l-futbol ma jitlifx il-kredibilità tiegħu, ikollha bilfors tiddaħħal it-teknoloġija. U mhux jiġu jgħidulna dik l-ereżija li l-iżbalji tar-referees jagħmlu l-futbol interessanti. Altru li le, anzi l-iżbalji tar-referees qed bil-mod il-mod ikunu r-rovina tal-futbol. X'fiha interessanti li final ta' Champions League tintrebaħ b'gowl minn offside? Ġrat din. X'fiha interessanti li final ta' Champions Cup titrebaħ b'penalti għal fawl żewġ metri barra l-kaxxa? Ġrat ukoll din. X'fiha interessanti li final tat-Tazza tad-Dinja tintrebaħ b'gowl li lanqas biss daħal? Anki din ġrat.
Sinjuri Blatter u Platini. Sur Platini, għandi rispett kbir għal dak li kont tagħmel bħala plejer tant li nqisek probabbli l-aqwa plejer li qatt rajt jilgħab. Sur Blatter, m'għandi l-ebda rispett għal dak li kont u għadek tagħmel... Sinjuri Blatter u Platini, il-futbol sabiħ għax ikun hemm logħbiet eċċitanti, għax ikun hemm azzjonijiet, ġesti atletiċi, salvataġġi tal-goalkeepers u gowls spettakolari. Dawn l-affarijiet il-plejers u l-kowċis huma responsabbli għalihom, mhux ir-referees. Ir-referee qatt u bl-ebda mod ma jista' jagħmel il-logħba aktar interessanti. Ir-referee jista' jkollu żewġ tipi biss ta' impatt fuq logħba - jew wieħed newtrali, jew inkella impatt negattiv, voldieri b'deċiżjonijiet żbaljati li jipproduċu riżultat falz.
Sinjur Blatter u Platini, jekk tridu li l-logħba tal-futbol tibqa' kredibbli trid bilfors tiddaħħal it-teknoloġija biex tgħin lill-uffiċjali tal-logħba. Irid ikun hemm replays għal kull meta r-referee jkollu dubju fuq x'ġara (x'fiha ħażin b'daqshekk? Kemm mingħalihom huma tajbin dawn li jistgħu jiddeċiedu kollox fi kwart ta' sekonda?), u anki numru limitat ta' opportunitajiet biex il-captain jew il-kowċ ikun jista' jikkontesta deċiżjoni, bħal ma jiġri fit-tennis. Wasalna fi stat fejn kważi kull logħba tiġi influwenzata f'direzzjoni jew oħra minn deċiżjoni żbaljata. U dejjem nisimgħu l-ilsna ħżiena ta' nies li ma jafux jieħdu telfa jgħidu li r-referees imbagħbsin. Ejja naqtgħuha darba għal dejjem din għax ħsara biss qed tagħmel. Jippruvaw kemm jippruvaw, ir-referees waħedhom m'humiex ilaħħqu. Tuhom l-għodda ħa jkunu jistgħu japplikaw ir-regoli tal-logħba kif suppost!
U kif qegħdin fiż-żifna, tajjeb nintroduċu xi ftit bidliet fir-regoli:
1. Dal-ħafna tkeċċijiet għal sempliċi fawl jew penalty hemm bżonn jinqatgħu. Fawl fuq l-aħħar raġel fil-każ agħtih penalty. Li tim tħallih bi plejer inqas tispiċċa tħassarha logħba. Penalty ismu miegħu - kważi gowl ċert. Kastig biżżejjed.
2. Agħar minn hekk, il-karti sofor fuq plejer li jkun sofra fawl, imma għax ir-referee injorant jew għajnejh difettużi (jew ma jikkonsultax ir-replay...) ma jindunax li kien penalty u minn fuq lill-plejer iffawljat jeħodlu ismu! Inġustizzja aktar minn hekk...
3. Is-sistema tal-karti sofor u l-iskwalifiki hemm bżonn tinbidel. Għal kull daħla kerha plejer għandu jitkeċċa għal 10 minuti. It-tielet darba jitkeċċa għal kollox. Il-fatt li jitkeċċa għal 10 minuti huwa diżinċentiv mill-ewwel kontra l-fawls koroh. U l-kastig jieħdu dak il-ħin stess. Skwalifiki jingħataw biss għal imġiba gravi, jew fawls partikolarment vjolenti. Il-bqija jekk plejer jitkeċċa l-kastig qed jieħdu dak il-ħin stess, u m'hemmx għalfejn jerġa' jkun skwalifikat logħba oħra.
4. Sostituzzjonijiet isiru bħall-basketball, il-waterpolo u l-ice hockey - kemm iridu u waqt li għaddej il-logħob. Jista' jieħu ħsieb jikkontrollaha r-raba' uffiċjal, għall-inqas ikun qed jagħmel xi ħaġa għall-ġid. U mhux qisha ċerimonja tal-ħatra ta' president sempliċi sostituzzjoni. Hekk jinqata' l-vizzju misħut tas-sostituzzjonijiet waqt l-injury time biex jaħlu l-ħin! U l-waqfien kontinwu fil-logħob sakemm il-plejers sostitwiti jimxu t-tul kollu tal-grawnd... Dawn għandhom ikollhom l-opportunità li jerġgħu jidħlu jilagħbu, ħalli jħossuhom għadhom jagħmlu parti mil-logħba, u mhux daqs li kieku sfaw imkeċċija. Għandhom raġun bħalissa jkunu ddiżappuntati u rrabjati meta jqaċċtuhom ħesrem 'il barra mil-logħba!
5. U x'ingħidu għall-passaġġ tal-ħin, u l-ħela tiegħu? Imma din daqshekk diffiċli biex titħaddem li l-ħin jgħodd biss waqt li jkun għaddej il-logħob? Jitħaddem f'daqshekk sports differenti! Żewġ taqsimiet ta' 30 minuta kull waħda, bil-ħin jieqaf ma' kull waqfien fil-logħob, u daqshekk xeneġġati u brutti figuri biex jinħela l-ħin.
6. Aktar regoli ġodda li hemm bżonn. Ballun ħabat ma jdejk - handsball dejjem. Jekk mhux intenzjonali, paċenzja. Kemm jonqsu kieku l-handsballs "mhux" intenzjonali! Azzjoni ta' attakk jitwaqqaf għal offside f'każ ovvju ħafna biss, il-bqija jekk ikun dubjuż il-logħob jibqa' għaddej, u jekk isir gowl jikkonsultaw ir-replay.
Kemm jista' jkun aħjar il-football. Naqra żiffa ta' arja friska kull ma hemm bżonn, imma naf li aktar hemm ċans tinżel il-borra fid-deżert milli tinħass xi żiffa qalb il-poteri mmuffati tal-FIFA.
No comments:
Post a Comment