Dan l-aħħar qed nirrealizza kemm is-soċjetà Maltija qed tgħix żewġ realtajiet paralleli, totalment opposti, inkompatibbli, imma li jibqgħu jeżistu flimkien għax waħda ma tirrikonoxxix l-eżistenza tal-oħra.
Għandna r-realtà konvenzjonali. Malta pajjiż Kattoliku b'valuri tradizzjonali eċċetra eċċetra. L-uniku pajjiż fid-dinja minbarra l-Filippini u l-Belt tal-Vatikan fejn m'hemmx liġi tad-divorzju. Ngħożżu l-għaqda tal-familja, poplu ultra-konservattiv u l-ebda partit ma jissogra jeħodha kontra dan l-istatus quo għax jibża' li jitlef l-elezzjoni li jmiss.
Dik realtà waħda - il-verżjoni uffiċjali u sostnuta bil-qawwa minn min qiegħed fil-poter.
In-naħa l-oħra tal-munita, sadattant, hija eżatt bil-maqlub. Miżżewġin jaqilbuha lil xulxin bl-addoċċ. Separazzjonijiet bl-eluf, koppji mhux miżżewġin jiffurmaw familji ġodda. Bażikament l-oppost totali tar-realtà konvenzjonali. Imma fil-fatt ir-realtà 'konvenzjonali' aktar ma jgħaddi żmien qed jirriżulta ċar li hija biss illużjoni.
U donnu min qiegħed fil-poter għandu interess qawwi li jsostni din il-faċċata. Avolja ssib ħafna minnhom stess li jafu li hija illużjoni, anzi qed jgħixu stil ta' ħajja totalment f'kontradizzjoni mal-ideal tal-valuri tal-familja blablabla. Mhux każ wieħed jew tnejn hemm minn dawn fost in-nies fil-ħajja pubblika. Imma kif kont qed naqra dal-aħħar il-partiti għandhom ftehim taċitu li jagħlqu għajnejhom it-tnejn għal dawn is-sitwazzjonijiet, għax jafu li hemm minnhom fuq iż-żewġ naħat. U sadattant ikomplu jsostnu l-pożizzjoni uffiċjali li tirrifletti s-soċjetà Maltija kif kienet ħamsin sena ilu, soċjetà li spiċċat għal kollox.
Ħlief li mbagħad hemm massa kbira ta' poplu li din ir-realtà ma jridx jirrikonoxxiha. Jaħbu rashom fir-ramel u joħolmu li s-soċjetà Maltija ta' ħamsin sena ilu għadha l-istess, u l-liġijiet li kienu jgħoddu għal dik is-soċjetà għadhom jaqdu tajjeb ir-realtà attwali.
Minħabba din il-massa li ma tridx tammetti li Malta nbidlet, u l-fatt li l-politiċi jibżgħu jifqgħulhom il-bużżieqa li qed joħolmu biha, irriżultat din is-sitwazzjoni ta' skizofrenija u ta' ipokresija sfrenata magħna nfusna.
Il-veru tal-biki.
No comments:
Post a Comment